Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0096/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0096/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni

1.2.2024 - (2023/3018(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B9‑0000/2024
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

Jean‑Lin Lacapelle
f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Christian Ehler
f’isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Proċedura : 2023/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0096/2024
Testi mressqa :
B9-0096/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0096/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni

(2023/3018(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013[1] (ir-Regolament Orizzont Ewropa), u għad-dikjarazzjoni dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni magħmula fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tas-17 ta’ April 2019 dwar dak ir-Regolament[2],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra[3],

 wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni[4],

 wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni[5],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1526 tad-9 ta’ Settembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Kanada għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Kanada ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)[6],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (EU) 2023/1081 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Ġappun dwar Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fi programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)[7],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1093 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni u, dwar l-assoċjazzjoni tar-Repubblika tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa –  il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)[8],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Novembru 2010[9],

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni (O-000004/2024 – B9-0000/2024),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1. Jirrikonoxxi l-potenzjal li jiġu mkabbra l-kisbiet tal-programmi tal-Unjoni permezz ta’ kooperazzjoni attiva u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi terzi li jaqsmu valuri demokratiċi komuni mal-UE;

2. Jirrikonoxxi Orizzont Ewropa bħala l-akbar programm ta’ riċerka u innovazzjoni kollaborattiva fid-dinja għall-perjodu 2021-2027;

3. Jappoġġja l-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa ta’ pajjiżi terzi li għandhom kapaċità tajba fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u jirrikonoxxi li tali kollaborazzjoni tikkontribwixxi għas-saħħa u l-effettività ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex u tikkonkludi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni oħra ma’ pajjiżi terzi, peress li dawn iżidu l-kompetittività tal-UE fix-xena globali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rilevanti kollha jħarsu l-miri klimatiċi ta’ Orizzont Ewropa;

4. Jissottolinja li l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-programmi tal-UE mhijiex sempliċi att tekniku, iżda pjuttost deċiżjoni politika li tikkonċerna r-relazzjonijiet tal-pajjiżi assoċjati mal-UE u, speċifikament għal Orizzont Ewropa, il-kwistjoni tal-libertà xjentifika u akkademika;

5. Jirrikonoxxi r-regoli stabbiliti fit-Trattati, li jridu jiġu rrispettati f’konformità mal-istat tad-dritt sabiex jiġi ppreservat il-bilanċ istituzzjonali, u r-rwol mogħti lill-Parlament; jemmen li jrid jiġi rispettat il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, li jiggarantixxi li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati, inkluż sabiex jiġi żgurat li tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-perspettiva tal-Parlament, bħala r-rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE;

6. Iqajjem dubju dwar l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ddedikati għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni, li jfixkel l-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu mill-Parlament fi ħdan il-proċeduri għall-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni;

7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament meta jikkonkludu kwalunkwe ftehim ta’ assoċjazzjoni li jsegwi din l-istruttura l-ġdida, skont it-Trattati;

8. Jenfasizza li l-kapaċità tiegħu li jagħti kunsens sinifikanti għal ftehimiet internazzjonali speċifikament li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi partikolari fi programmi tal-Unjoni hija mfixkla mill-fatt li tali ftehimiet ma jipprovdux għal struttura li tiggarantixxi skrutinju parlamentari taħt proċedura ta’ kunsens għal assoċjazzjoni ma’ programm speċifiku tal-Unjoni;

Ftehim ta’ kooperazzjoni u assoċjazzjoni bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea

9. Jirrikonoxxi r-rabtiet storiċi u kulturali b’saħħithom bejn l-UE u New Zealand kif ukoll l-istat eċċellenti tar-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejniethom, li huma bbażati fuq valuri demokratiċi kondiviżi u ħafna interessi komuni; japprezza l-kooperazzjoni eċċellenti dwar il-kummerċ, il-politika barranija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u fil-fora multilaterali;

10. Jenfasizza r-rwol importanti ta’ New Zealand bħala wieħed mis-sħab ewlenin tal-UE li jaħsbuha l-istess fir-reġjun Indo-Paċifiku dinamiku u strateġikament u ekonomikament importanti; jappella għal kooperazzjoni aktar profonda f’oqsma ta’ interess reċiproku, partikolarment fl-affarijiet barranin; jissottolinja, f’dak ir-rigward, il-kooperazzjoni fis-sigurtà li għaddejja bejn l-UE u New Zealand, partikolarment fir-rigward ta’ operazzjonijiet u missjonijiet taħt il-politika ta’ sigurtà u difiża komuni tal-UE; ifakkar li New Zealand adottat pożizzjoni identika għal dik tal-UE meta kkundannat l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja u appoġġjat lill-Ukrajna billi pprovdiet assistenza u introduċiet sanzjonijiet kontra r-Russja;

11. Jissottolinja, barra minn hekk, il-ftehim ta’ kummerċ ħieles konkluż reċentement bejn l-UE u New Zealand, li l-għan maħsub tiegħu huwa li jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet bilaterali u li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, u joħloq benefiċċji reċiproċi sinifikanti u opportunitajiet ekonomiċi għan-negozji u l-konsumaturi u jinkludi impenji soċjali u ambjentali b’saħħithom u vinkolanti relatati mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima; jenfasizza r-rwol pożittiv li d-dijaspora Ewropea fi New Zealand jista’ jkollha fl-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn in-New Zealand u l-UE;

12. Jirrikonoxxi li l-UE u New Zealand għandhom storja twila ta’ kooperazzjoni fir-riċerka; jenfasizza li New Zealand għandha rekord eċċellenti ta’ parteċipazzjoni fl-Orizzont 2020, b’77 proġett iffinanzjat, u li r-riċerkaturi ta’ New Zealand setgħu jipparteċipaw fiż-żewġ programmi qafas preċedenti għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-FP7 u l-Orizzont 2020, li juru l-benefiċċji potenzjali ta’ assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa;

13. Jilqa’ l-proposta biex tissaħħaħ is-sħubija tal-UE ma’ New Zealand permezz tal-assoċjazzjoni ta’ New Zealand mal-programm Orizzont Ewropa, li se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u tagħmel New Zealand l-aktar sieħeb reġjonali importanti tal-UE fix-xjenza u l-innovazzjoni; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu skrutinju parlamentari xieraq tal-assoċjazzjoni futura ta’ New Zealand mal-programmi tal-Unjoni;

14. Jirrimarka li fil-ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill jagħtu lill-Kumitat Konġunt stabbilit taħt dak il-ftehim is-setgħa li jadotta protokolli li jassoċjaw lil New Zealand ma’ kwalunkwe programm tal-Unjoni, minkejja li l-Parlament joġġezzjona għal din il-prerogattiva, li de facto jagħti lill-Kumitat Konġunt is-setgħa ta’ implimentazzjoni fuq aspetti essenzjali; jinnota li d-deċiżjonijiet essenzjali li qed jiġu delegati lill-Kumitat Konġunt jinkludu l-ambitu tal-assoċjazzjoni għal programmi individwali kif ukoll dispożizzjonijiet essenzjali rigward il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika;

15. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jemenda kwalunkwe protokoll ta’ assoċjazzjoni prevalenti, li jista’ jinkludi wkoll dispożizzjonijiet relatati ma’ rieżamijiet, verifiki u irregolaritajiet finanzjarji, permezz ta’ protokolli; jirrikonoxxi li tali emendi jseħħu mingħajr involviment parlamentari addizzjonali; jirrikonoxxi li billi jagħti l-kunsens, il-Parlament effettivament jagħti lill-Kumitat Konġunt mandat mingħajr restrizzjonijiet; jirrimarka li l-Kunsill għandu l-kompitu li jimmonitorja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt, iżda fil-fatt ħafna drabi jittraskura dan id-dmir u ma jirrapportax b’mod adegwat lill-Parlament, u dan iwassal għal nuqqas sħiħ ta’ sorveljanza u skrutinju f’tali ftehimiet internazzjonali;

16. Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu dwar ftehimiet ta’ assoċjazzjoni relatati ma’ Orizzont Ewropa, kif adottata fi stqarrija li takkumpanja l-adozzjoni tar-Regolament Orizzont Ewropa, u jisħaq li kwalunkwe korp stabbilit permezz ta’ tali ftehimiet ma għandux jevita l-ħtieġa li jfittex il-kunsens sinifikanti tal-Parlament; jemmen li aspetti essenzjali tal-involviment ta’ pajjiż terz f’Orizzont Ewropa jenħtieġ li ma jiġux delegati lil tali korp;

17. Ma jaqbilx ma’ din l-istruttura ġdida għall-ftehimiet internazzjonali, li ma tippermettix lill-Parlament jeżerċita s-setgħat tiegħu f’konformità mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE; jemmen li dan huwa impediment għat-twettiq tal-prerogattivi tal-Parlament, jittraskura l-bilanċ istituzzjonali meħtieġ u għalhekk jeħtieġ li jiġi modifikat;

18. Ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 218(10) tat-TFUE jipprovdi li l-Parlament jenħtieġ li jkun informat immedjatament u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali msemmija f’dak l-Artikolu u li, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), dik ir-regola hija espressjoni tal-prinċipji demokratiċi li fuqhom hija msejsa l-UE; jisħaq, b’mod partikolari, il-fatt li l-QĠUE diġà ddikjarat li l-involviment tal-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa r-riflessjoni, fil-livell tal-UE, tal-prinċipju demokratiku fundamentali li l-poplu jenħtieġ li jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-poter permezz tal-intermedjarju ta’ assemblea rappreżentattiva[10];

19. Ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-ftehimiet inkwistjoni huma mingħajr preċedent peress li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ tip ġdid ta’ pajjiż terz u, għall-ewwel darba, jagħmlu dan permezz ta’ ftehim ġenerali li jkopri l-programmi kollha tal-Unjoni; jenfasizza li fil-passat, tali parteċipazzjoni kienet tiġi rranġata permezz ta’ ftehim individwali għal kull programm tal-Unjoni u limitata għal qafas finanzjarju pluriennali speċifiku; jenfasizza li minħabba n-natura ġdida ta’ dawn il-ftehimiet, il-Parlament ma għandux data jew informazzjoni rilevanti li tista’ tintuża biex jiġi vvalutat b’mod sinifikanti l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ġenerazzjoni attwali ta’ programmi tal-Unjoni jew fuq ġenerazzjonijiet futuri ta’ programmi tal-Unjoni;

20. Iqis, f’dan l-isfond, li l-Parlament jenħtieġ li jkun jista’ jiżgura b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nies fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, minħabba l-istruttura ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali, fejn id-deċiżjoni dwar l-assoċjazzjoni, inkluż l-ambitu ta’ dik l-assoċjazzjoni, għal ċertu programm minn pajjiż terz isir biss fil-futur, ħafna drabi ħafna wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens għall-konklużjoni tal-ftehim inizjali ma’ dak il-pajjiż terz;

21. Ifakkar li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-approċċ tal-Kummissjoni jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala oġġezzjoni għal New Zealand jew għall-kooperazzjoni stabbilita sew u b’saħħitha li dejjem kienet teżisti bejn dan il-pajjiż u l-UE;

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħra li jaħsbuha l-istess fi programmi tal-Unjoni

22. Jiddispjaċih għall-fatt li l-abbozz ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u l-assoċjazzjonijiet proposti tal-Kanada, ir-Repubblika tal-Korea u l-Ġappun isegwu l-istess struttura bħall-abbozz ta’ ftehim ma’ New Zealand; jitlob li l-Kummissjoni toqgħod lura milli tipprevjeni l-eżerċizzju tad-dritt tal-kunsens tal-Parlament għal kwalunkwe assoċjazzjoni għal programm tal-Unjoni u li ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ma’ sħab ġodda jsiru biss meta l-Parlament ikun seta’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ kunsens sinifikanti;

23. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-roħs awtomatiku miftiehem reċentement fuq il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa fil-każ ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit “inqas milli mistenni” fil-programm irriżulta f’inkonsistenzi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit li għalih il-Parlament ta l-kunsens tiegħu;

It-triq ’il quddiem

24. Ifakkar li jenħtieġ li jkun informat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, f’konformità mal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdih b’rapporti regolari u dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet, bħal aġġornamenti dwar aspetti bħal stadji importanti miksuba, sfidi ffaċċjati, rati ta’ suċċess ta’ proposti minn entitajiet minn pajjiżi terzi, kontribuzzjonijiet annwali ta’ pajjiżi terzi, eżekuzzjoni tal-baġit u r-riżultati tal-awditi;

26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi negozjati dwar ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali ta’ skrutinju demokratiku mill-Parlament tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni;

27. Jesprimi t-tama li l-Kummissjoni tiċċara s-sitwazzjoni, billi tagħti tweġiba pertinenti u sodisfaċenti għall-mistoqsija tal-Parlament għal tweġiba orali, sabiex jingħata l-kunsens; huwa lest li jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u l-Kunsill biex jinkiseb dan ir-riżultat;

°

° °

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza