Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0100/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0100/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado

5.2.2024 - (2024/2549(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Javi López
f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0097/2024

Proċedura : 2024/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0100/2024
Testi mressqa :
B9-0100/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0100/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado

(2024/2549(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fil-Venezwela dwar l-elezzjonijiet reġjonali u muniċipali tal-21 ta’ Novembru 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-29 ta’ Jannar 2024 dwar il-projbizzjoni tal-politiċi tal-oppożizzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-elezzjonijiet li ġejjin fil-Venezwela għandhom jirrappreżentaw punt ta’ bidla lejn tranżizzjoni demokratika;

B. billi l-pajjiż qed jesperjenza instabbiltà istituzzjonali, ekonomika u politika kontinwa; billi aktar minn seba’ miljun persuna telqu mill-Venezwela biex ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar;

C. billi kien hemm restrizzjonijiet sistematiċi fuq l-informazzjoni pubblika, il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u fuq id-dritt għal għaqda paċifika, b’mod partikolari għad-dissidenti, għas-sindakalisti, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà;

D. billi fit-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kontrollur Ġenerali tal-Venezwela ħabbar li l-mexxej tal-oppożizzjoni María Corina Machado kienet ilha pprojbita milli tokkupa kariga pubblika għal 15-il sena;

E. billi f’Ottubru 2023, María Corina Machado ġiet uffiċjalment iddikjarata rebbieħa tal-elezzjoni presidenzjali primarja ta’ tmiem il-ġimgħa għall-oppożizzjoni Venezwelana, u b’hekk saret l-unika kandidata tal-oppożizzjoni għall-elezzjoni presidenzjali tal-2024;

F. billi f’Ottubru 2023, il-gvern ta’ Maduro u l-oppożizzjoni laħqu ftehim f’Barbados li fih qablu li fit-tieni nofs tal-2024 isiru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;

G. billi fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp importanti, it-Teżor tal-Istati Uniti ħareġ liċenzja biex jippermetti temporanjament tranżazzjonijiet li jinvolvu s-settur taż-żejt u l-gass tal-Venezwela; billi dan kien jiddependi fuq it-twettiq tal-impenji li saru f’Barbados, li kienu jinkludu t-tneħħija tal-projbizzjonijiet imposti fuq María Corina Machado u fuq għadd ta’ kandidati oħra tal-oppożizzjoni;

H. billi fis-26 ta’ Jannar 2024, il-Qorti Suprema tal-Venezwela kkonfermat il-projbizzjoni ta’ 15-il sena fuq María Corina Machado li toħroġ għal kariga pubblika, li b’hekk ipprekludietha milli teżerċita d-drittijiet politiċi ewlenin tagħha u li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

I. billi bħala konsegwenza, l-Istati Uniti heddew li jerġgħu jistabbilixxu s-sanzjonijiet fuq is-settur taż-żejt tal-Venezwela;

1. Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Barbados u l-kontinwazzjoni ta’ proċess ta’ djalogu inklużiv li jista’ jwassal għal elezzjonijiet ġusti u kompetittivi fl-2024;

2. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-partijiet għall-proċess ta’ negozjati mmexxi mill-Venezwela li jżommu n-negozjati miftuħa;

3. Jikkundanna d-deċiżjonijiet amministrattivi maħsuba biex jipprevjenu lill-membri tal-oppożizzjoni milli jeżerċitaw id-drittijiet politiċi ewlenin tagħhom;

4. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-poplu Venezwelan u l-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippromwovu riformi biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni mal-istandards internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-libertà ta’ assoċjazzjoni permezz ta’ ambjent li jwassal għall-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet ċiviċi fil-ħajja pubblika;

5. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jibdew djalogu nazzjonali inklużiv u effettiv;

6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jipprovdu l-kundizzjonijiet biex jiżguraw elezzjonijiet ġusti, ħielsa, inklużivi u trasparenti f’konformità mal-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-Venezwelani meta jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom;

7. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE tal-2021 sabiex itejbu l-proċessi elettorali futuri, b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni li titlob li tiġi abolita l-prerogattiva tal-Kontrollur Ġenerali biex liċ-ċittadini ċċaħħadhom mid-dritt fundamentali tagħhom li joħorġu għall-elezzjoni billi jużaw proċedura amministrattiva u mingħajr notifika f’waqtha, u li tħalli impatt negattiv fuq id-dritt għal difiża;

8. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jestendu stedina uffiċjali lill-osservaturi internazzjonali, inkluża l-UE, biex josservaw l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin, kif stabbilit skont il-Ftehim Barbados;

9. Jinsab imħasseb dwar l-użu possibbli tal-qafas legali biex tiġi ristretta d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, u jinsab partikolarment imħasseb dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-kontroll, ir-regolarizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet relatati;

10. Jistieden lis-SEAE, lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela jkomplu jagħtu prijorità lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jipprovdu appoġġ loġistiku, finanzjarju u teknoloġiku lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lis-soċjetà ċivili;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President tal-Venezwela, lill-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza