Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0124/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0124/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea

5.2.2024 - (2024/2548(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sergey Lagodinsky, Viola von Cramon‑Taubadel, Malte Gallée, Markéta Gregorová, Henrike Hahn, Heidi Hautala, Bronis Ropė, Ignazio Corrao, Nicolae Ştefănuță, Alviina Alametsä, Gwendoline Delbos‑Corfield, Alice Kuhnke, Jakop G. Dalunde, Pär Holmgren
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0124/2024

Proċedura : 2024/2548(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0124/2024
Testi mressqa :
B9-0124/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0124/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea

(2024/2548(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-indħil barrani u l-korruzzjoni,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni[3],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà[4],

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2829 tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar proċessi elettorali inklużivi u reżiljenti fl-Unjoni u t-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi rapporti minn mezzi tal-media indipendenti fid-29 ta’ Jannar 2024 ippreżentaw evidenza konkreta li tiddikjara li l-Membru tal-PE Tatjana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB) tal-inqas mill-2004 sal-2017; billi l-każ ġie riferut lill-Kumitat Konsultattiv tal-Parlament Ewropew dwar il-Kodotta tal-Membri tal-Parlament Ewropew għall-investigazzjoni; billi s-servizzi tas-sigurtà Latvjani ħabbru wkoll l-investigazzjoni tagħhom stess;

B. billi l-Federazzjoni Russa hija magħrufa li tuża firxa ta’ metodi differenti ta’ ndħil, bħala parti minn strateġija akbar biex tagħmel ħsara, tħawwad, tbeżża’, iddgħajjef u taqsam l-Istati Membri tal-UE u tattakka l-funzjonament demokratiku tagħhom, kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-imminar tal-appoġġ għall-Ukrajna fi ħdan l-UE sar għan espliċitu ieħor tal-indħil tal-Federazzjoni Russa fl-ispazji demokratiċi tal-pajjiżi tal-UE;

C. billi l-ġurnalisti u l-esperti komplew jiżvelaw il-finanzjament mir-Russja tal-attivitajiet politiċi u l-konnessjonijiet mal-politiċi fl-UE qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, u dan ipoġġi f’riskju l-integrità tal-funzjonament demokratiku tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u jeħtieġ investigazzjoni bir-reqqa biex dawk il-persuni kompliċi jinżammu responsabbli;

D. billi hemm evidenza konkreta li l-organizzazzjoni politka, il-media u l-proċessi elettorali tal-UE qed ikunu fil-mira u qed ikunu l-oġġett ta’ ndħil permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni, skemi ta’ korruzzjoni u tattiċi oħra mmirati biex jimminaw l-ideali demokratiċi u d-drittijiet fundamentali; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 x’aktarx li jkunu mira speċjali għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE;

E. billi l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni jimminaw u jheddu serjament il-libertajiet fundamentali tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi dawn jimminaw ukoll il-proċessi demokratiċi fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, inkluża l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

F. billi r-rispons tal-Parlament Ewropew għall-indħil barrani sar aktar viġilanti, l-ewwel bil-Kumitat Speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-UE u aktar tard wara l-iskandli tal-Qatargate u tal-Moroccogate tal-2022; billi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ġew emendati fit-13 ta’ Settembru 2023 biex jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont fil-Parlament; billi, madankollu, għad iridu jittieħdu miżuri aktar robusti biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva minn influwenza esterna indebita;

1. Jikkundanna t-tentattiv ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea; jinsisti li l-awtoritajiet Russi u kwalunkwe individwu jew entità li jaġixxu f’isimhom jeħtiġilhom itemmu dawn il-prattiki; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Kunsill jieħdu miżuri xierqa kontra individwi Russi, u jekk l-allegazzjonijiet ta’ ndħil jiġu kkonfermati, sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-Unjoni tagħna u tal-proċessi demokratiċi tagħha;

2. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti li l-Membru tal-PE Tatjiana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tal-FSB filwaqt li kienet ukoll qed taqdi l-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew; jisħaq li huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew, kif ukoll l-awtoritajiet Latvjani, jinvestigaw din il-kwistjoni bir-reqqa sabiex jiddeterminaw, mingħajr dewmien, is-sanzjonijiet u l-proċedimenti kriminali xierqa;

3. Jisħaq li informatur tal-FSB li jkollu aċċess għall-benefiċċji u l-informazzjoni bħala Membru tal-Parlament Ewropew ikun theddida serja għas-sigurtà u d-demokrazija tal-Unjoni tagħna; jitlob li ssir investigazzjoni immedjata dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluż kwalunkwe każ potenzjali ieħor ta’ ndħil Russu jew barrani ieħor jew tipi oħra ta’ ndħil malizzjuż fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;

4. Jibqa’ sod fl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jittejbu u jiġu infurzati r-regoli li jipproteġu l-integrità ta’ din l-istituzzjoni bħala pilastru tad-demokrazija Ewropea;

5. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament sinifikanti tar-Russja u r-rabtiet mill-qrib mal-partiti politiċi u l-politiċi f’għadd ta’ pajjiżi madwar l-Ewropa, hekk kif hija tipprova tindaħal u tikseb ingranaġġ fil-proċessi domestiċi u dawk fil-livell tal-UE;

6. Jesprimi tħassib partikolari dwar rapporti reċenti li l-awtoritajiet Russi qed jipprovdu narrattivi speċifiċi lil partiti u atturi politiċi tal-lemin estrem f’pajjiżi differenti tal-UE, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fi Franza, bl-għan li jimminaw l-appoġġ pubbliku għall-Ukrajna, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-2022;

7. Jisħaq li, f’din is-sena ta’ elezzjonijiet ewlenin, inklużi l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju, huma meħtieġa reazzjonijiet aktar effettivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew biex jiġi miġġieled l-indħil Russu u ndħil barrani ieħor fil-proċessi elettorali, kemm fil-forma ta’ attakki ċibernetiċi, l-użu ta’ bots fuq il-media soċjali, diżinformazzjoni mifruxa jew l-użu ta’ aġenti ta’ influwenza; jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jimplimentaw strateġiji ta’ reżiljenza għall-elezzjonijiet;

8. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi ta' monitoraġġ permanenti u li tiġi rinforzata l-implimentazzjoni tagħhom ferm qabel l-elezzjonijiet, ir-referenda u proċessi politiċi importanti oħra madwar l-Ewropa;

9. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu investimenti sinifikanti u dejjiema fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tagħna u l-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ counter-intelligence tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tal-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija, speċifikament il-proposta tat-12 ta’ Diċembru 2023 għal direttiva li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937[6], biex tindirizza b’mod effettiv it-theddid intern ta’ influwenza indebita u titbiegħed minn enfasi unika u ineffettiva fuq l-atturi li jirċievu finanzjament barrani;

10. Jisħaq li, lil hinn mill-ispazji demokratiċi tal-UE stess, hemm ħtieġa urġenti għaliha u għall-Istati Membri tagħha li jipprovdu appoġġ imsaħħaħ lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lill-pajjiżi kandidati, kif ukoll lill-pajjiżi sħab fin-Nofsinhar Globali, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni dwar il-bini tar-reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà għad-diżinformazzjoni u l-influwenza moħbija u l-propaganda tal-istat Russi, sabiex tiġi miġġielda kwalunkwe dgħufija strateġika jew frammentazzjoni tas-soċjetajiet u l-istituzzjonijiet tagħhom;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Russi.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza