MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea
5.2.2024 - (2024/2548(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Pedro Marques, Gabriele Bischoff, Andreas Schieder, Raphaël Glucksmann, Tonino Picula, Domènec Ruiz Devesa
f’isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0124/2024
B9‑0125/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 39, 40, 47 u 52 tagħha, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 16 u 17 tagħha, u l-Protokoll għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 u tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2014/512 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2023)0637),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-Demokrazija (COM(2020)0790),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn pajjiżi terzi[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[4],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tiegħu lill-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-integrità elettorali fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 (O-000018/2023),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-indħil barrani jikkostitwixxi ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
B. billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni, il-hacking tal-apparati elettroniċi tal-kandidati u l-attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura tal-elezzjoni, b’mod partikolari mir-Russja, żdiedu għal livell mingħajr preċedent;
C. billi r-Russja użat diversi metodi ta’ ndħil, fosthom ippruvat iddgħajjef u tnissel il-firda fost l-Istati Membri tal-UE, filwaqt li ppruvat tinfluwenza l-partiti politiċi Ewropej, l-aktar dawk tal-lemin estrem, u ppruvat tiddestabbilizza l-pajjiżi ġirien tal-UE;
D. billi r-Russja ilha għal diversi snin twettaq kampanji ta’ diżinformazzjoni kemm fl-istrumenti tal-media tradizzjonali kif ukoll fil-pjattaformi tal-media soċjali, attakki ċibernetiċi, qbid u attakki tal-elit, li fittxew ukoll li jħejju t-triq għall-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
E. billi diversi investigazzjonijiet urew li r-regoli elettorali nkisru jew ġew evitati, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja elettorali b’allegazzjonijiet ta’ finanzjament moħbi minn sorsi ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari mir-Russja;
F. billi l-Parlament Ewropew huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet tal-UE u jinsab fuq quddiem nett fid-diskussjonijiet politiċi tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-theddid ibridu fid-demokraziji tagħna, inkluż fl-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-avvenimenti reċenti enfasizzaw li l-Parlament huwa mira ta’ kampanji varjati u aggressivi ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI);
G. billi sorsi tal-istampa reċenti żvelaw allegazzjonijiet li Membru tal-Parlament Ewropew kien qed jaħdem f’isem is-Servizz Federali tas-Sigurtà Russu (FSB); billi hemm asserzjonijiet u suspetti oħra dwar aktar aġenti Russi fil-Parlament Ewropew;
H. billi l-2024 hija sena elettorali kruċjali u se jsiru diversi elezzjonijiet presidenzjali, nazzjonali, lokali u reġjonali fl-Istati Membri, minbarra l-elezzjonijiet Ewropej ppjanti bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju;
I. billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta’ Marzu 2023, iċ-ċittadini jqisu li l-informazzjoni falza u qarrieqa li tiċċirkola online, il-propaganda minn sorsi barranin mhux demokratiċi u l-indħil barrani moħbi – inkluż permezz tal-finanzjament ta’ atturi domestiċi – hija fost l-isfidi ewlenin għas-sistemi demokratiċi tagħna;
J. billi r-Russja għad għandha influwenza konsiderevoli fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fis-Serbja u fir-Republica Srpska, waħda mill-entitajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina, fejn għandha s-setgħa li tinterferixxi fit-tentattivi reġjonali għar-rikonċiljazzjoni, l-integrazzjoni u r-riforma favur id-demokratizzazzjoni;
K. billi l-finanzjament minn barra l-UE ta’ attivitajiet politiċi u ta’ politiċi fl-Unjoni Ewropea qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, b’mod partikolari mir-Russja, għadu jiġi żvelat u huwa ta’ riskju għall-integrità tal-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri tal-UE u jirrikjedi investigazzjoni bir-reqqa;
L. billi l-każijiet ta’ attakki tal-FIMI fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali żdiedu wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
M. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom rwol essenzjali bħala gwardjani, huma essenzjali għall-bini ta’ reżiljenza demokratika minn ġewwa u għall-protezzjoni tad-demokrazija, u jappoġġjaw il-ġlieda kontra ksur tal-istat tad-dritt, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod attiv għat-trawwim tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fil-prattika;
1. Jesprimi tħassib serju dwar l-allegazzjonijiet tal-istampa li jirriżultaw minn investigazzjonijiet imwettqa mill-gazzetta Latvjana “The Insider”, li żvelaw li Membru tal-Parlament Ewropew kien qed jaħdem f’isem is-Servizz Federali tas-Sigurtà (FSB) Russu;
2. Ifakkar fl-iżvelar kontinwu ta’ evidenza ta’ ndħil Russu fit-tħejjija għall-elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej ewlenin kollha, kif enfasizzat fir-rapporti finali tal-kumitati speċjali tagħha dwar l-l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni(INGE u INGE2);
3. Iqis li huwa essenzjali li titwettaq minnufih investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet possibbli kollha ta’ ndħil barrani mir-Russja u mġiba ħażina mill-Membri tagħha stess;
4. Jitlob li tingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni politika u amministrattiva lir-Rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli l-ġodda tiegħu dwar it-trasparenza u l-integrità adottati f’Settembru 2023, kif ukoll il-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta’ kondotta interni kollha tiegħu u d-deċiżjonijiet approvati mill-Bureau tiegħu, b’mod partikolari dwar l-interazzjoni ma’ pajjiżi terzi;
5. Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex iżidu l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-korp Ewropew tal-etika;
6. Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku u jħeġġeġ għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw li r-rieda tan-nies biss isservi bħala l-bażi tal-awtorità tal-gvern, mingħajr ndħil barrani minn atturi malizzjużi, b’enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024;
7. Jenfasizza li l-gwerra ibrida u l-FIMI mhumiex biss kwistjonijiet ta’ politika barranija iżda fil-fatt jheddu l-bażi stess tad-demokraziji tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jadottaw approċċ trażversali permanenti għall-ġlieda kontra l-FIMI b’mod aktar effettiv; iqis li l-indħil elettorali f’wieħed mill-Istati Membri jaffettwa lill-UE kollha sa fejn dan l-indħil jista’ jkollu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jindirizzaw dan it-theddid billi jaħdmu b’mod iżolat, u lanqas l-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat ma tista’ ssolvi dan kollu; jilqa’ l-ħidma li saret mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fit-tieni Rapport tiegħu dwar il-manipulazzjoni u t-theddid ta’ interferenza ta’ informazzjoni barranija li ġie ppubblikat fit-23 ta’ Jannar 2024;
8. Jissottolinja li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kixfet il-firxa tal-manipulazzjoni barranija tal-informazzjoni u t-theddid tal-informazzjoni għall-UE u għall-viċinat immedjat tagħha, jiġifieri l-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u għalhekk jitlob lill-UE u lill-pajjiżi ġirien tagħha jżidu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;
9. Jirrikonoxxi li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri jipprojbixxu, b’mod sħiħ jew parzjali, d-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u l-kandidati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rabtiet tar-Russja ma’ diversi partiti politiċi u ma’ politiċi fl-UE; ifakkar li anke fil-każ fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jevitawhom u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom billi ħadu self mingħand banek barranin (bħal fil-każ tal-partit ta’ National Front fl-2016), ftehimiet ta’ xiri u kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeeds u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar Lega per Salvini premier), u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika dwar il-kampanja Leave.eu);
10. Huwa mħasseb ħafna bl-evidenza li l-biċċa l-kbira tal-indħil Russa ffavorixxa kandidati kontra l-UE, estremisti u populisti; jiddeplora l-fatt li l-kampanji tal-FIMI spiss ikunu diretti kontra minoranzi speċifiċi u gruppi vulnerabbli u jinnota li l-immirar ta’ dawk il-minoranzi jservi l-iskop akbar li jimmina l-appell ta’ soċjetajiet demokratiċi u ugwali;
11. Jinsisti fuq l-impenn tiegħu li jkompli jwettaq riformi serji u konkreti fil-Parlament Ewropew sabiex itejjeb l-integrità u t-trasparenza tiegħu, biex juri tolleranza żero għall-korruzzjoni u għall-indħil barrani ta’ korruzzjoni u biex jipproteġi d-demokrazija Ewropea;
12. Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jipprojbixxi lil kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tar-Russja, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi [7];
13. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimplimentaw il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija sabiex jieħdu azzjoni b’mod urġenti u jagħlqu d-diversi lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-finanzjament tal-partiti, isibu skema regolatorja obbligatorja għall-pjattaformi l-kbar, u jżidu d-difiża ċibernetika tal-UE kontra attakki possibbli fuq is-sistema elettorali tagħna;
14. Iqis li huwa urġenti li jittejbu u jiġu aġġornati l-għodod għall-protezzjoni tal-integrità tal-elezzjonijiet għall-era diġitali, sabiex il-proċessi demokratiċi jiġu protetti minn forom ġodda ta’ manipulazzjoni minn pajjiżi terzi jew minn interessi privati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-potenzjal dannuż ta’ tekniki ġodda li jaħdmu bl-IA fuq il-proċess elettorali u jitlob aġġornament tal-impenji eżistenti tagħha dwar it-trasparenza tar-reklamar u l-kooperazzjoni politiċi fost il-partijiet ikkonċernati;
15. Jitlob lill-Parlament isaħħaħ il-kultura tas-sigurtà fl-istituzzjoni; jitlob, għalhekk, taħriġ obbligatorju, xieraq u regolari dwar is-sigurtà, l-indħil, l-istandards etiċi, il-konformità u l-integrità għall-MEPs kollha u l-uffiċċji tagħhom u għall-persunal kollu tal-Parlament, li jagħmilhom konxji li huma miri potenzjali ta’ atturi statali u mhux statali barranin; jirrakkomanda awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa għall-uffiċjali tal-Parlament u għall-persunal tal-gruppi politiċi, u evalwazzjoni ta’ meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ sigurtà għall-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) meta jittrattaw kwistjonijiet ta’ affarijiet barranin, sigurtà u difiża jew kummerċ; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu l-proċeduri u perjodu ta’ żmien komuni kull meta jintalbu jagħtu approvazzjoni tas-sigurtà lill-MEPs u lill-persunal tal-Parlament, kif ukoll għal kwalunkwe skrinjar tas-sigurtà relatat mal-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li s-servizzi tal-Parlament jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ monitoraġġ u sorveljanza biex jidentifikaw l-indħil barrani filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-mandat tal-MEPs;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 153, 3.6.2022, p. 128.
- [2] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.
- [3] ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
- [4] ĠU C, C/2023/1226, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1226/oj.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2023)0292.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2023)0316.
- [7] ĠU L 153, 3.6.2022, p. 128.