Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0154/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0154/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qtil ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-priġunieri politiċi u għas-soċjetà ċivili oppressa fir-Russja

26.2.2024 - (2024/2579(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Pedro Marques, Tonino Picula, Włodzimierz Cimoszewicz, Thijs Reuten
f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0147/2024

Proċedura : 2024/2579(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0154/2024
Testi mressqa :
B9-0154/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0154/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-priġunieri politiċi u għas-soċjetà ċivili oppressa fir-Russja

(2024/2579(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Alexei Navalny, b’mod partikolari tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja, l-avvelenament ta’ Alexei Navalny[1], tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-arrest ta’ Aleksei Navalny[2], tas-16 ta’ Frar 2023 dwar id-deterjorament reċenti tal-kundizzjonijiet diżumani tal-priġunerija ta’ Alexei Navalny u tal-priġunieri politiċi l-oħra fir-Russja[3], u tal-20 ta’ April 2023 dwar ir-repressjoni fir-Russja, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Vladimir Kara-Murza u Aleksei Navalny[4],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-UE tad-19 ta’ Frar 2024 dwar il-mewt ta’ Alexei Navalny,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-mewt tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2021 Alexei Navalny ġiet irrappurtata mill-awtoritajiet Russi fis-16 ta’ Frar 2024; billi l-awtoritajiet Russi għadhom ma pprovdewx informazzjoni dwar il-kawżi u ċ-ċirkostanzi eżatti tal-mewt tiegħu, u l-familja tiegħu tħalliet biss tirkupra l-ġisem tiegħu għal investigazzjoni medika u l-funeral fl-24 ta’ Frar 2024;

B. billi Alexei Navalny kien ilu f’detenzjoni mis-17 ta’ Jannar 2021 meta rritorna fir-Russja wara riabilitazzjoni medika minħabba attentat ta’ qtil sponsorjat mill-istat bl-użu tal-aġent nervin Novichok ipprojbit internazzjonalment; billi qabel kien inżamm u arrestat ħafna drabi u kkundannat b’raġunijiet iffabbrikati u politikament motivati għal sentenzi ta’ ħabs twal b’mod sproporzjonat, f’tentattivi evidenti biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u l-kampanji kontra l-korruzzjoni tiegħu; billi ġie rrappurtat li kien soġġett għal pressjoni psikoloġika, kastigi arbitrarji, trattament ħażin sever u tortura matul il-priġunerija tiegħu f’diversi ħabsijiet u kolonji penali ħielsa li kienu magħrufa għall-kundizzjonijiet ħorox;

C. billi mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-reġim Russu żied b’mod sostanzjali r-repressjoni tiegħu kontra l-popolazzjoni, inkluż kontra membri tal-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili attiva, mhux l-inqas billi kkriminalizza kwalunkwe espressjoni ta’ dissens dwar il-gwerra;

1. Jesprimi x-xokk tiegħu għall-aħbar tas-16 ta’ Frar 2024 dwar il-mewt ta’ Alexei Navalny f’kolonja tal-ħabs Siberjana remota ’l fuq miċ-Ċirku Artiku; iqis li, irrispettivament mill-kawża diretta tal-mewt, il-persekuzzjoni u t-trattament inuman bla waqfien ta’ Alexei Navalny mill-awtoritajiet Russi huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-mewt prematura tiegħu;

2. Jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-mara ta’ Alexei Navalny, Yulia, kif ukoll lil uliedhom, lill-familja, lill-ħbieb, lill-kollaboraturi mill-qrib u lill-għadd kbir ta’ persuni li appoġġjawh fir-Russja kollha;

3. Jonora lil Alexei Navalny bħala mexxej politiku u attivist prominenti kontra l-korruzzjoni li, bis-saħħa tal-qlubija, il-karisma u l-kapaċità tiegħu li jsawwar alleanzi, kiseb dak li oħrajn ippruvaw iżda li ftit minnhom irnexxielhom jiksbu, jiġifieri li jagħti s-setgħa lin-nies billi jagħmilhom konxji mill-kapaċità tagħhom li jtejbu l-ħajja, ibiddlu s-soċjetà u jinfluwenzaw il-politiki, u jagħmilhom jemmnu f’dawn;

4. Ifakkar fil-kontributi tiegħu għall-iżvilupp ta’ kuxjenza ċivika permezz ta’ dibattiti pubbliċi ġenwini, kampanji politiċi, protesti fit-toroq u komunikazzjoni innovattiva, li wassluh biex jitqies minn ħafna bħala dak li jirrappreżenta viżjoni ta’ Russja oħra fejn is-setgħa ma tkunx priġuniera ta’ reġim kleptokratiku protett minn aġenti tal-infurzar tal-liġi sottomessi, iżda tkun f’idejn in-nies u taqdi lilhom;

5. Jitlob investigazzjoni indipendenti u internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi eżatti tal-mewt ta’ Alexei Navalny u ta’ dawk responsabbli, sabiex tiġi skoperta l-verità, jiġi żgurat li tintrefa’ r-responsabbiltà u tiġi stabbilita l-ġustizzja;

6. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha fir-Russja, inklużi dawk detenuti għall-assoċjazzjoni tagħhom ma’ Alexei Navalny u l-organizzazzjoni tiegħu, bħall-avukati tiegħu, jew għall-oppożizzjoni tagħhom għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi Vladimir Kara-Murza u Ilya Yashin, fost ħafna oħrajn;

7. Jiddenunzja s-sentenzi ta’ ħabs arbitrarji u li ilhom għaddejjin għal għaxar snin u l-kundizzjonijiet inumani fil-ħabs fir-Russja, kif muri mill-każ ta’ Alexei Navalny li kien soġġett għal trattament ħażin intenzjonat u kastigi arbitrarji li wasslu għal deterjorament serju f’saħħtu saħansitra qabel is-16 ta’ Frar 2024;

8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jtemmu minnufih l-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor jew miżuri dixxiplinari arbitrarji kontra d-detenuti kollha u jirriformaw b’mod urġenti l-kundizzjonijiet tal-ħabs f’konformità mal-obbligi tar-Russja skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

9. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrevokaw il-leġiżlazzjoni oppressiva tagħhom b’kontradizzjoni mal-kostituzzjoni Russa u mal-impenji internazzjonali tal-pajjiż, bħal-liġijiet dwar iċ-ċensura ta’ informazzjoni veritiera dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u dwar “aġenti barranin” u “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”;

10. Jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet kontra dawk involuti fi, u dawk responsabbli għal, proċessi motivati politikament kontra Alexei Navalny u l-kundizzjonijiet tal-kundanna, il-priġunerija u d-detenzjoni tiegħu, inklużi l-prosekuturi u l-imħallfin, il-persunal tal-ħabs u dawk responsabbli għall-mewt prematura tiegħu; jistieden lill-Kunsill, barra minn hekk, iżid b’mod sostanzjali l-għadd ta’ rappreżentanti tar-reġim Russu fil-mira ta’ sanzjonijiet individwali u jitlob li jiġi kkunsidrat li jiżdiedu aktar persuni identifikati mill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni (FBK) ta’ Alexei Navalny bħala l-hekk imsejħa faċilitaturi tar-reġim li jikkontribwixxu biex jiġġieldu u jiffinanzjaw il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u li jwettqu r-repressjoni domestika b’appoġġ għas-sopravivenza tar-reġim;

11. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini Russi li, minkejja r-repressjoni totalitarja u l-konsegwenzi personali severi, għadhom isibu l-kuraġġ li jitkellmu dwar il-verità, jiddefendu l-valuri umani u juru lid-dinja li teżisti Russja oħra;

12. Jilqa’ r-rapporti dwar iċ-ċittadini Russi li taw ġieħ lil Alexei Navalny fil-bliet kbar u żgħar fir-Russja kollha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih lil dawk kollha li wrew l-umanità u s-solidarjetà tagħhom ma’ vittma ta’ repressjoni tal-istat; jesprimi t-tama tiegħu li azzjonijiet simili se jkomplu għaddejjin u juru lid-dinja li l-poplu Russu ma jappoġġjax reġim kriminali li jiġġieled gwerra ta’ aggressjoni illegali u brutali kontra pajjiż ġar – l-Ukrajna, li jrażżan il-popolazzjoni Russa u li jeqred b’mod effettiv il-prospetti għal futur sikur u prosperu għall-poplu Russu;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-awtoritajiet Russi.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza