MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aġġornament tar-Regolament tal-UE dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili biex jinkludi r-rappurtar ta’ fenomeni anomali mhux identifikati
11.3.2024
Francisco Guerreiro
B9‑0194/2024
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aġġornament tar-Regolament tal-UE dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili biex jinkludi r-rappurtar ta’ fenomeni anomali mhux identifikati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-fenomeni anomali mhux identifikati (UAPs) jibqgħu suġġett stigmatizzat, li spiss ixekkel lill-komunità xjentifika milli tiġbor u tanalizza data metodoloġika;
B. billi jibqa’ mhux spjegat jew mhux irrappurtat numru sinifikanti ta’ okkorrenzi ta’ fenomeni anomali mhux identifikati, inkluż ħafna xhieda ta’ sorsi oriġinali mill-bdoti tal-ajruplani u l-ekwipaġġi tagħhom;
C. billi r-Regolament (UE) 376/2014[1] jippermetti lill-professjonisti tal-avjazzjoni jirrappurtaw biss dwar suġġetti relatati mas-sikurezza;
D. billi l-persuni taż-żewġ partiti li jfasslu l-liġijiet fl-Istati Uniti pproponew leġiżlazzjoni ġdida (Abbozz ta’ Liġi HR6967, l-Att dwar l-Ispazju tal-Ajru Sikur għall-Amerikani) li tipproteġi l-bdoti u l-persunal tal-avjazzjoni ċivili li rrappurtaw fenomeni anomali mhux identifikati;
1. Iqis li l-UE għandha tipproponi linji gwida għal metodoloġija komuni għar-rappurtar u l-analiżi tax-xhieda ta’ fenomeni anomali mhux identifikati, li tista’ tirriżulta f’bażi tad-data u repożitorju tal-UE armonizzati u b’hekk tippermetti skambju ta’ informazzjoni tekniku bejn l-Istati Membri;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni attwali, jiġifieri r-Regolament (UE) 376/2014, biex tinkludi mekkaniżmu għal rappurtar konsistenti, trasparenti u ħieles mill-istigma u analiżi tad-data rigward il-fenomeni anomali mhux identifikati fl-ispazju tal-ajru tal-UE, inkluż fejn tali okkorrenzi ma jkunu ta’ ebda riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza għall-inġenju tal-ajru kkonċernat.
- [1] Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).