MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
22.4.2024 - (2024/2665(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Sergey Lagodinsky, Jordi Solé, Francisco Guerreiro, Reinhard Bütikofer, Jan Ovelgönne
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0253/2024
B9‑0255/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar l-Ukrajna, b’mod partikolari dawk adottati mindu seħħet l-eskalazzjoni tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ES-11/4 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna: niddefendu l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” u r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta’ Marzu 2014 bit-titolu “L-integrità territorjali tal-Ukrajna”,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, tal-15 ta’ Settembru 2023 bit-titolu “Situation of human rights in the Russian Federation” (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa),
– wara li kkunsidra l-opinjoni interim tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta’ Marzu 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa u l-proċedura għall-adozzjoni tagħhom, adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-126 Sessjoni Plenarja tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-11 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru mir-Russja mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024 saru mingħajr kompetizzjoni politika ġenwina u f’ambjent ristrett ħafna li ġie aggravat ukoll mill-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u, bħala tali, ma ssodisfaw l-ebda standard demokratiku; billi r-Russja organizzat b’mod illegali l-votazzjoni fit-territorji Ukreni okkupati b’mod temporanju tal-Krimea, Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, xi drabi fil-preżenza ta’ suldati armati Russi;
B. billi l-awtoritajiet Russi ma stednux lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) biex josserva l-elezzjonijiet tar-Russja, li jmur kontra l-impenji u l-obbligi tagħha bħala stat parteċipanti tal-OSKE; billi l-bidliet reċenti fil-liġijiet elettorali tar-Russja għamluha prattikament impossibbli li jsir kwalunkwe monitoraġġ sinifikattiv u rrestrinġew b’mod sinifikanti r-rwol tal-media; billi dawk li setgħu josservaw, irrapportaw ksur mifrux fil-votazzjoni, fosthom il-falsifikazzjoni tar-riżultati finali u l-ksur tar-regoli elettorali;
C. billi għal għexieren ta’ snin, ir-reġim awtoritarju tar-Russja uża tali elezzjonijiet dejjem aktar frawdolenti u farsa biex joffri illużjoni ta’ demokrazija bil-għan li jkompli jikkonċentra s-setgħa kollha f’idejn Vladimir Putin; billi l-gvern irażżan kwalunkwe dissens bl-appoġġ ta’ forzi tas-sigurtà fidili, ġudikatura sottomessa, ambjent tal-media kkontrollat mill-istat li jiżgura dulluvju kontinwu ta’ propaganda u ta’ miżinformazzjoni, u leġiżlatura li tikkonsisti f’partit fil-gvern u fazzjonijiet tal-oppożizzjoni li jistgħu jiġu kkontrollati; billi kwalunkwe kandidat presidenzjali b’pożizzjoni kontra l-gwerra ġie skwalifikat minnufih;
D. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa kkonkluda li m’għadx hemm spazju sikur għal azzjoni ċivika jew għal oppożizzjoni politika fir-Russja, bil-politika tal-istat attwali ta’ kriminalizzazzjoni ta’ kwalunkwe dissens tkun il-qofol ta’ “restrizzjonijiet inkrementali u kkalkulati fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja matul l-aħħar għoxrin sena”;
E. billi fl-2021, il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa kkonkludiet li l-emendi kostituzzjonali tal-2020 tar-Russja, inkluża d-deroga għal-limitu tal-mandat għall-President fil-kariga, jikkontradixxu kemm il-Kostituzzjoni Russa kif ukoll il-prinċipji legali internazzjonali;
F. billi r-reġim ta’ Putin qered ġenerazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni politika demokratika, u tad-drittijiet tal-bniedem Russi, inklużi Memorial u l-Grupp Moska Helsinki; billi l-UE tospita varjetà ta’ dissidenti Russi u rappreżentanti tal-media u tas-soċjetà ċivili li ġew imġiegħla jitilqu mir-Russja peress li l-kritika tagħhom fil-konfront tal-gvern qegħdithom f’riskju sinifikanti ta’ ritaljazzjoni mill-awtoritajiet; billi kważi 20 000 persuna ġew detenuti bejn Frar 2022 u Awwissu 2023 talli pparteċipaw fi protesti, primarjament kontra l-gwerra, u 663 minn dawn il-persuni qed jiffaċċjaw akkużi kriminali; billi aktar minn 700 persuna bħalissa jinsabu l-ħabs fir-Russja bħala priġunieri politiċi;
G. billi Alexei Navalny, figura prominenti tal-oppożizzjoni demokratika u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2021, miet f’kolonja penali Siberjana fis-16 ta’ Frar 2024, ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet presidenzjali; billi Navalny kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs infondata u politikament motivata; billi r-responsabbiltà sħiħa għal dan il-qtil hija tal-Istat Russu u b’mod partikolari tal-president tiegħu Vladimir Putin;
H. billi ħafna votanti Russi esprimew b’kuraġġ ir-rabja u l-animożità tagħhom lejn ir-reġim ta’ Putin u l-elezzjonijiet farsa li dan ir-reġim ippreżenta, peress li kien hemm diversi rapporti ta’ azzjonijiet ta’ reżistenza fil-postijiet tal-votazzjoni; billi eluf ta’ votanti taw widen għall-appell ta’ Navalny biex jivvutaw f’nofsinhar fl-aħħar jum tal-elezzjonijiet bħala forma siekta ta’ protesta;
I. billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja, l-awtoritajiet Russi naqqsu d-drittijiet u l-libertajiet individwali saħansitra aktar biex joħonqu d-dissens domestiku;
1. Jiddenunzja l-ksur elettorali kollu mwettaq mir-reġim ta’ Vladimir Putin matul l-elezzjonijiet presidenzjali Russi mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024, kif ukoll il-qerda preċedenti intenzjonata u li ilha għaddejja ta’ kwalunkwe fdal tad-demokrazija fir-Russja; jikkonkludi li din il-prestazzjoni mill-awtoritajiet Russi kellha l-għan uniku li toħloq id-dehra ta’ leġittimità elettorali għal Putin, il-politika tiegħu ta’ ripressjoni domestika bla waqfien u, fuq kollox, il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna;
2. Jikkundanna b’mod inekwivoku l-“elezzjonijiet” illegali mwettqa fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat b’mod temporanju, jiġifieri r-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson; itenni li ma jirrikonoxxix l-organizzazzjoni jew l-eżitu ta’ dawn l-“elezzjonijiet” Russi fit-territorji okkupati tal-Ukrajna; jisħaq li l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’dawn it-territorji tikkostitwixxi ksur ċar tas-sovranità tal-Ukrajna u ksur distint tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari tal-Karta tan-NU; jiddeplora l-użu tat-theddida ta’ vjolenza mill-awtoritajiet Russi, peress li n-nies ġew imġiegħla jivvutaw fil-preżenza ta’ suldati armati Russi; jappella għal miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk involuti fl-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-votazzjoni illegali;
3. Jirrikonoxxi l-qlubija tal-eluf ta’ persuni fir-Russja li qed jipprotestaw kontra r-reġim ta’ Putin, fosthom permezz ta’ atti ta’ reżistenza matul l-elezzjonijiet; jappella biex l-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi ħalli jappoġġjaw is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika kemm fir-Russja kif ukoll lil hinn minnha;
4. Itenni, għal dan il-għan, l-appell tiegħu biex ikun hemm skema ta’ viża għal dħul multiplu fl-UE kollha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-individwi ppersegwitati politikament u biex tintuża l-flessibbiltà eżistenti ħalli jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, kif propost mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha tal-2023 “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE); jisħaq, f’dan ir-rigward, li skemi bħal dawn jistgħu jestendu wkoll għall-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-persuni l-oħra ppersegwitati politikament;
5. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jħejju għal sitwazzjoni li fiha r-Russja, bħall-Belarussja, tieqaf toħroġ passaporti fil-konsulati tagħha, f’liema każ jista’ jkun meħtieġ li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jirrikonoxxu de facto l-apolidija u joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar, kif previst fl-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi;
6. Jappella għas-simplifikazzjoni tal-proċessi biex id-dissidenti Russi fl-UE jirreġistraw organizzazzjonijiet u entitajiet, jiftħu kontijiet bankarji u jwettqu kompiti amministrattivi oħra sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-eżilju;
7. Jesiġi l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi Vladimir Kara-Murza, Ilya Yashin, Alexei Gorinov, Dmitry Ivanov, Ioann Kurmoyarov, Viktoria Petrova, Maria Ponomarenko, Aleksandra Skochilenko, Dmitry Talantov, Yuri Dmitriev, Lilia Chanysheva, Ksenia Fadeeva, Ivan Safronov u Oleg Orlov;
8. Jitlob lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Federazzjoni Russa tissorvelja s-sitwazzjoni u l-każijiet fil-qorti ta’ priġunieri politiċi fir-Russja kemm jista’ jkun mill-qrib, u tipprovdi appoġġ fejn fattibbli;
9. Jesprimi appoġġ għall-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jerġa’ jestendi l-mandat tagħha fl-2024;
10. Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; jitlob li r-Russja u l-forzi bi prokura tagħha jwaqqfu l-azzjonijiet militari kollha, jirtiraw il-forzi militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut fuq livell internazzjonali, itemmu d-deportazzjonijiet furzati ta’ ċittadini Ukreni u jeħilsu lill-Ukreni detenuti kollha;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Russi.