MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
22.4.2024 - (2024/2665(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernard Guetta, José Ramón Bauzá Díaz, Vlad‑Marius Botoş, Fabio Massimo Castaldo, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Michael Kauch, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0253/2024
B9‑0256/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 992/2020 tat-23 ta’ Marzu 2021 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Kummissjoni ta’ Venezja) dwar l-emendi kostituzzjonali u l-proċedura għall-adozzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tat-13 ta’ Ottubru 2023 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-eżami tal-leġittimità u l-legalità tad-deroga ad hominem għal-limitu tal-mandat għall-President fil-kariga tal-Federazzjoni Russa u r-rapport tagħha Nru 15827, tat-22 ta’ Settembru 2023 u tal-istess titolu, li fuqu kienet ibbażata,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi u n-nuqqas ta’ applikabbiltà tagħhom fit-territorju Ukren, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar l-intenzjoni li jsiru elezzjonijiet presidenzjali fit-territorji okkupati temporanjament u d-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2023 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-intenzjonijiet li jsiru “elezzjonijiet” fit-territorji okkupati tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Theodoros Rousopoulos, dwar l-“elezzjoni” presidenzjali fir-Russja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ES‑11/4 tat-12 ta’ Ottubru 2022 u 68/262 tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta’ Settembru 2020 mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar l-hekk imsejħa “investitura” ta’ Aleksandr Lukashenko,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa organizzat l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024, inkluż fit-territorji tal-Ukrajna li attwalment huma okkupati illegalment mir-Russja, jiġifieri fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol, kif ukoll f’partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson; billi l-postijiet tal-votazzjoni nfetħu wkoll fit-Transnistrija, fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar, mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet tal-Moldova u tal-Georgia;
B. billi s-sistema politika tar-Russja hija kkontrollata minn reġim awtoritarju li juża elezzjonijiet imbagħbsa biex jagħti apparenza tad-demokrazija u jikkonċentra l-poter f’idejn Vladimir Putin; billi r-reġim Russu jrażżan id-dissens bl-appoġġ ta’ forzi tas-sigurtà fidili lejh, ġudikatura servili, ambjent tal-media kkontrollat u leġiżlatura li tikkonsisti minn partit fil-gvern u partiti tal-oppożizzjoni manipulabbli;
C. billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom fil-konfront tal-oppożizzjoni politika, tal-media u tas-soċjetà ċivili inkluża l-komunità LGBTIQ, u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali saħansitra aktar biex joħonqu d-dissens intern; billi l-kandidati kontra l-gwerra ma tħallewx joħorġu għall-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 fir-Russja; billi Vladimir Putin iffaċċja biss tliet kandidati magħżula speċifikament mingħajr statura u l-eżitu tal-votazzjoni ma ħalla l-ebda dubju minkejja li l-kundizzjonijiet tal-għajxien saru dejjem aktar diffiċli minħabba l-effett tal-ekonomija tal-gwerra impost fuq il-poplu Russu;
D. billi l-għadd ta’ priġunieri politiċi fir-Russja jaqbeż il-livelli osservati anke matul l-aħħar tal-perjodu Sovjetiku u kien hemm żieda sinifikanti fl-individwi detenuti talli kkritikaw il-politiki ta’ Putin, speċjalment fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna, b’mod partikolari Vladimir Kara-Murza, kritiku fil-beraħ tal-Kremlin għal żmien twil, Oleg Orlov, kopresident tal-Memorial Human Rights Defence Centre (Ċentru Memorial għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem), Alexei Gorinov, kunsillier lokali fid-distrett ta’ Krasnoselsky, l-artista Alexandra Skochilenko u l-politikant tal-oppożizzjoni Ilya Yashin; billi diversi mexxejja tal-oppożizzjoni Russa, inkluż, l-aktar reċenti, Alexei Navalny, inqatlu; billi ħafna mill-priġunieri politiċi jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ saħħa kritiċi, b’mod partikolari Vladimir Kara-Murza, u qed jiġu mċaħħda mill-aċċess għal kura medika komprensiva;
E. billi r-reġim ta’ Putin qered ġenerazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi, inklużi Memorial u l-Grupp Moska Helsinki, u l-media indipendenti; billi skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, ir-Russja qed iżżomm mill-inqas 22 ġurnalist, inklużi Alsu Kurmasheva u Evan Gershkovich, il-ħabs; billi soċjetà ċivili attiva u media ħielsa huma kruċjali biex jiġu żgurati soċjetajiet demokratiċi u miftuħa u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem;
F. billi r-restrizzjonijiet ħorox tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Russu jiksru biċ-ċar il-kostituzzjoni u l-qafas legali tan-nazzjon stess, kif ukoll jiksru l-obbligi internazzjonali tar-Russja;
G. billi proċess ta’ kompetizzjoni politika trasparenti, demokratiku, ħieles u ġust mhuwiex kompatibbli mal-atti ta’ repressjoni politika, inkluż il-qtil u l-eżilju furzat ta’ avversarji u eks partitarji tar-reġim, li ilhom jitwettqu fil-Federazzjoni Russa għal ħafna snin;
H. billi l-Kostituzzjoni tar-Russja tal-1993 illimitat lill-President għal żewġ mandati konsekuttivi, iżda Vladimir Putin ilu fil-poter kontinwament mill-2000, u sab modi differenti biex jevita dan il-limitu, inkluż billi mexxa bħala Prim Ministru bejn l-2008 u l-2012; billi Golos, NGO indipendenti li timmonitorja l-elezzjonijiet fir-Russja, irreġistrat livelli bla preċedent ta’ lmenti, inkluż votazzjoni furzata, li hija illegali skont il-liġi Russa, fir-rigward tar-referendum tal-2020 li reġġa’ lura l-għadd ta’ mandati li Putin kien serva fil-kariga u ppermettielu jibqa’ fil-poter;
I. billi l-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-Opinjoni Nru 992/2020 tagħha, ikkonkludiet li l-veloċità li biha tħejjew l-emendi kostituzzjonali tal-2020 ma kinitx evidentement xierqa, li l-emendi għall-Kostituzzjoni tar-Russja li ġew adottati b’mod mgħaġġel fl-2020 saħħew b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni tal-President tal-Federazzjoni Russa u li l-esklużjoni ad hominem mil-limiti tal-mandat tal-presidenti attwali u preċedenti tikkontradixxi l-loġika stess tal-emenda adottata li tillimita l-mandat tal-President għal żewġ mandati;
J. billi, fir-Riżoluzzjoni 2519 (2023) tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa stiednet lill-gvernijiet Ewropej jirrikonoxxu lil Vladimir Putin bħala illeġittimu wara t-tmiem tal-mandat presidenzjali attwali tiegħu u jwaqqfu kull kuntatt miegħu, ħlief għall-kuntatt umanitarju u fl-insegwiment tal-paċi;
K. billi, għall-kuntrarju tal-impenji tal-OSKE meħuda mill-Federazzjoni Russa, il-Gvern Russu naqas milli jistieden lill-OSKE u lil kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali kredibbli oħra biex josservaw u jivvalutaw it-tmexxija tal-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali;
L. billi l-proċess tal-votazzjoni kien imtappan minn irregolaritajiet u ksur tal-istandards elettorali internazzjonali, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tagħhom, it-tfigħ ta’ voti żejda u d-detenzjoni ta’ osservaturi elettorali domestiċi indipendenti;
M. billi, f’dawn l-aħħar snin, l-UE rrifjutat li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-mexxejja eletti permezz ta’ elezzjonijiet frodulenti, bħal Aliaksandr Lukashenka fil-Belarussja u Nicolás Maduro fil-Venezwela;
N. billi fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandat ta’ arrest għal Vladimir Putin fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu għad-delitt tal-gwerra ta’ deportazzjoni u trasferiment illegali ta’ tfal Ukreni matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-Istati Parti kollha għall-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali huma legalment marbuta li jarrestaw lil Vladimir Putin meta jidħol fil-ġuriżdizzjoni tagħhom;
1. Iqis li l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali li saru fir-Russja mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2024 la kienu ħielsa u lanqas ġusti, ma ssodisfawx l-istandards elettorali internazzjonali bażiċi u għalhekk ma kellhomx leġittimità demokratika, kif kien ukoll ir-referendum tal-2020 dwar l-emendi kostituzzjonali, u għalhekk Vladimir Putin ma għandux jitqies leġittimu;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-organizzazzjoni illegali tal-hekk imsejħa elezzjonijiet fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja tokkupa temporanjament; jissottolinja li ma tirrikonoxxix u mhux se tirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta’ dawn l-hekk imsejħa elezzjonijiet fit-territorji okkupati tal-Ukrajna; jissottolinja li l-organizzazzjoni tal-hekk imsejħa elezzjonijiet fit-territorji okkupati tal-Ukrajna tirrappreżenta ksur ċar tad-dritt internazzjonali mir-Russja, inkluża l-Karta tan-NU, u tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;
3. Itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;
4. Jikkundanna l-prattiki mhux demokratiċi użati mill-awtoritajiet Russi biex jimmanipulaw il-proċessi elettorali u jrażżnu d-dissens, inklużi l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali reċenti li kienu kkaratterizzati minn irregolaritajiet mifruxa u nuqqas ta’ kompetizzjoni ġenwina;
5. Jiddenunzja l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta’ Putin u jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tal-kritiċi tal-gvern, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti kontra l-gwerra u tal-ġurnalisti indipendenti, kif ukoll iż-żieda fis-soppressjoni tal-attivisti LGBTIQ;
6. Ikompli jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u l-kumpens għall-priġunieri politiċi kollha, inklużi Vladimir Kara-Murza, Oleg Orlov, Alexei Gorinov, Alexandra Skochilenko u Ilya Yashin, għall-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs inġustament, inklużi Alsu Kurmasheva u Evan Gershkovich, u għall-familji tagħhom, u għar-restawr tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni fir-Russja, u żieda fl-iskrutinju internazzjonali u l-monitoraġġ tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu aċċess immedjat għal kura medika komprensiva għall-priġunieri politiċi f’kundizzjonijiet tas-saħħa kritiċi, b’mod partikolari Vladimir Kara-Murza; ifakkar lir-Russja biex taderixxi mal-obbligi internazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-priġunieri; jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħtu lill-uffiċjali konsulari aċċess għal priġunieri b’ċittadinanza doppja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu appoġġ lill-priġunieri politiċi, b’mod partikolari assistenza medika u legali, li qed tiġi limitata jew miċħuda lilhom, u jfittxu modi biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fir-Russja u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Russu biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu;
7. Jesprimi solidarjetà mal-poplu tar-Russja li jistinka għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, inkluż ma’ dawk ir-Russi li esprimew il-protesta tagħhom billi marru jivvutaw f’nofsinhar tas-17 ta’ Marzu 2024, kif propost minn Alexei Navalny ftit qabel mewtu; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u l-media indipendenti Russi;
8. Josserva li l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-ekonomija lejn il-produzzjoni militari għandha konsegwenzi enormi u negattivi għal ħafna setturi bħas-saħħa, is-sigurtà soċjali, it-toroq, l-infrastruttura ċivili u s-sistemi tal-enerġija, u għandha impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ ħafna ċittadini Russi ordinarji, li tipprovoka skuntentizza li ma tistax tiġi espressa minħabba ż-żieda fir-repressjoni eżerċitata mill-Kremlin sa mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, li turi n-nuqqas ta’ sigurtà tar-reġim;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw b’mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi indipendenti, lill-mezzi tal-media indipendenti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b’mod attiv u joffru appoġġ lill-oppożizzjoni demokratika Russa li topponi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jiddispjaċih kategorikament għall-fatt li l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Órban, għażel li jitbiegħed mill-pożizzjoni tal-UE u jifraħ lil Vladimir Putin għall-elezzjoni mill-ġdid fittizja tiegħu;
10. Itenni t-talba tiegħu biex ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib il-proċedimenti tal-qorti kontra l-membri tal-oppożizzjoni politika tar-Russja u l-kundizzjonijiet tagħhom fil-ħabs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu viżi umanitarji u appoġġ ieħor lid-dissidenti Russi li jinsabu f’riskju ta’ prosekuzzjoni politika;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi u biex tagħmilha disponibbli bil-lingwa Russa.