Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0260/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0260/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati

22.4.2024 - (2024/2665(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Michael Gahler, Andrius Kubilius, Vladimír Bilčík, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, David McAllister
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0253/2024

Proċedura : 2024/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0260/2024
Testi mressqa :
B9-0260/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0260/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi tar-Russja u l-estensjoni illeġittima tagħhom għat-territorji okkupati

(2024/2665(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2024 tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi u n-nuqqas ta’ applikabbiltà tagħhom fit-territorju Ukren,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Federazzjoni Russa rrifjutat, b’mod mhux raġonevoli, li tirreġistra bħala kandidati fl-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 lil kwalunkwe politiku kritiku fil-konfront tar-reġim u/jew tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, inklużi xi wħud li, skont kif ġie rrapportat, kienu ġabru aktar minn 100 000 firma, kif preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dan jissottolinja l-ostakli sproporzjonati u mhux raġonevoli għall-kandidaturi, li jmorru kontra l-impenji tar-Russja bħala Stat parteċipanti fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-istandards internazzjonali l-oħra;

B. billi, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, irċieva 87,28 % tal-voti mitfugħa fl-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Marzu 2024;

C. billi dawn l-hekk imsejħa elezzjonijiet ma kinux demokratiċi u saru f’kuntest suġġett għal restrizzjonijiet qawwijin, ikkaratterizzat minn repressjoni interna sistemika, matul il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati mill-intimidazzjoni tal-eletturi, miċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tagħhom, mill-mili tal-kaxxi tal-vot b’poloz illegali, mill-falsifikazzjoni fuq skala kbira ta’ protokolli tal-postijiet tal-votazzjoni u mid-detenzjoni ta’ osservaturi elettorali nazzjonali indipendenti;

D. billi l-awtoritajiet Russi komplew iżidu r-repressjoni interna billi jrażżnu lill-politiċi tal-oppożizzjoni, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-media indipendenti u lill-vuċijiet kritiċi l-oħra, bl-użu ta’ leġiżlazzjoni repressiva u pieni ta’ priġunerija b’motivazzjoni politika; billi f’dawn l-elezzjonijiet l-eletturi Russi ġew imċaħħda minn għażla ġenwina;

E. billi dawn l-elezzjonijiet saru wkoll fit-territorji okkupati tal-Ukrajna, bħall-peniżola tal-Krimea u l-partijiet tal-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fit-Transnistrija;

F. billi l-folol marru fil-postijiet tal-votazzjoni f’nofsinhar fl-aħħar jum tal-elezzjonijiet biex jappoġġaw id-dimostrazzjoni “nofsinhar kontra Putin” li Alexei Navalny kien għamel appell għaliha qabel ma ġie assassinat fil-ħabs wara li kien soġġett għal tortura u trattament diżuman;

G. billi, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja[1], il-Parlament ikkonkluda li l-bidliet kostituzzjonali implimentati f’Ġunju 2020 kienu illegali, kif għamlet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-riżoluzzjoni tagħha tal-2023[2];

H. billi, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja, il-Parlament iddikjara li l-UE għandha tikkundanna kwalunkwe tentattiv mill-President Putin biex jibqa’ fil-kariga lil hinn mit-tmiem tal-mandat presidenzjali attwali u finali tiegħu fis-7 ta’ Mejju 2024 abbażi tal-emendi kostituzzjonali tal-2020, li f’għajnejn l-Parlament kienu “ppromulgati illegalment”;

I. billi r-Russja ma stednitx lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE (OSKE/ODIHR) josserva l-elezzjonijiet;

J. billi l-Kunsill tal-Ewropa, f’bosta okkażjonijiet, stieden lill-komunità internazzjonali ma tirrikonoxxix il-leġittimità ta’ Vladimir Putin bħala l-President tal-Federazzjoni Russa u ġġib fi tmiemhom ir-relazzjonijiet miegħu;

K. billi l-adozzjoni ta’ pożizzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari mill-Parlament Ewropew, li tiddikjara li dawn l-elezzjonijiet ma kienu la liberi u lanqas demokratiċi u li tiċħad li tirrikonoxxi l-leġittimità presidenzjali ta’ Vladimir Putin, tkun titqies mill-oppożizzjoni demokratika Russa fir-Russja u barra minnha, bħala sinjal pożittiv ħafna ta’ appoġġ għall-ġlieda tagħha għad-demokrazija;

1. Jiddeplora n-nuqqas ta’ demokrazija u ta’ libertajiet, ir-repressjoni sistemika u l-ksur tad-drittijiet ċivili u politiċi fil-Federazzjoni Russa, u jiddeplora l-fatt li l-oppożizzjoni Russa ġiet repressa brutalment u li kwalunkwe oppożitur tar-reġim tal-Kremlin intbagħat il-ħabs jew ġie imġiegħel jitlaq mill-pajjiż;

2. Jinnota li, matul l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fil-Federazzjoni Russa, ma kien hemm l-ebda kandidat alternattiv ġenwin, l-ebda media ħielsa, l-ebda osservatur kredibbli u l-ebda libertà politika;

3. Jesprimi solidarjetà mal-poplu Russu li, b’turija ta’ protesta, mar bi ħġaru fil-postijiet tal-votazzjoni f’nofsinhar tal-Ħadd 17 ta’ Marzu 2024, kemm fir-Russja kif ukoll barra mill-pajjiż, kif kien ippropona Alexei Navalny ftit qabel l-assassinju tiegħu;

4. Jenfasizza li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li ma jistednux lill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR tosserva l-elezzjonijiet turi li jridu jiċħdu lill-eletturi valutazzjoni imparzjali u indipendenti tal-elezzjonijiet;

5. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Frar 2024 dwar il-qtil ta’ Alexei Navalny[3], li tiddikjara li r-reġim tal-Kremlin u Vladimir Putin personalment iġorru responsabbiltà kriminali u politika għall-mewt tal-aktar avversarju prominenti tagħhom, Alexei Navalny; jisħaq li dawn iċ-ċirkostanzi huma raġunijiet suffiċjenti biex tiġi miċħuda l-leġittimità presidenzjali ta’ Vladimir Putin;

6. Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tal-Federazzjoni Russa saru fit-territorji okkupati tal-Ukrajna, fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fit-Transnistrija, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-indipendenza, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi;

7. Ifakkar li l-proċedura għall-għoti ta’ aktar mandati lil Vladimir Putin kisret id-dritt nazzjonali Russu u l-prinċipji ġuridiċi internazzjonali;

8. Jikkonkludi li l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja ma kinux demokratiċi u ma kellhomx leġittimità u li, b’riżultat ta’ dan, il-presidenza ta’ Vladimir Putin hija illeġittima;

9. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieqaf tirreferi għal Vladimir Putin bħala l-President tal-Federazzjoni Russa ladarba l-mandat attwali tiegħu jiskadi fis-7 ta’ Mejju 2024 u jitwaqqaf kull kuntatt miegħu, peress li mhu se jkollu l-ebda mandat politiku jew morali biex jidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali oħrajn f’isem il-Federazzjoni Russa, ħlief biex ifittex paċi sostenibbli u għal skopijiet umanitarji, pereżempju biex jiġu organizzati skambji ta’ priġunieri jew biex jiġi żgurat li t-tfal deportati mill-Ukrajna jintbagħtu lura lejn djarhom;

10. Jesprimi l-appoġġ sod tiegħu għas-soċjetà ċivili Russa, għall-oppożizzjoni demokratika u għall-poplu, kemm fir-Russja kif ukoll f’eżilju, li qed jippruvaw jittrasformaw pajjiżhom f’demokrazija; jitlob li l-Federazzjoni Russa ġġib fi tmiemha l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tirtira l-forzi kollha tagħha mit-territorju barrani, u jirrifjuta l-imperjaliżmu Russu;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza