Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

 Indiċi 
 Test sħiħ 
Dibattiti
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2006 - Strasburgu L-edizzjoni tal-ĠU

Klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftiehimiet ta' l-UE (dibattitu)
MPphoto
 
 

  John Attard-Montalto (PSE). – Jiena niskanta kif, ħafna drabi, f'dan il-Parlament nippruvaw insibu nuqqasijiet żgħar fl-Ewropa, meta kulħadd jaf illi dan il-kontinent huwa propju d-dawl li qed jipprova jesporta dawn id-drittijiet fundamentali, drittijiet nobbli lil partijiet oħra tad-dinja. Wieħed għandu jikkummenta illi dejjem kienet diskussjoni jekk id-drittijiet tal-bniedem humiex drittijiet li jistgħu jiġu amministrati mill-Istat jew minn gvern internament jew inkella jekk humiex universali. Huwa ċar illi bla dubju ta' xejn illi d-drittijiet tal-bniedem huma drittijiet universali u l-ebda dittatur, l-ebda Stat m'għandu dritt illi l-bniedem jipprova jċaħħdu mill-inqas drittijiet li huma fundamentali. Il-problema hija kif l-Ewropa ħa tuża l-mezzi li għandha biex hi tipprova tesporta dawn l-għanijiet nobbli. U aħna, hawnhekk, nikkritikaw kultant l-Ewropa għaliex ma tużax id-drittijiet illi jista' jkollha, il-qawwa li jista' jkollha, qawwa ekonomika f'ċertu każijiet, u fl-istess ħin ħafna drabi mbagħad ngħidu li nikkritikaw l-amministrazzjoni, l-istituzzjonijiet, talli qed joqogħdu jgħattu għajnejhom għal ċertu nuqqasijiet. Irridu niddeċiedu. Iridu niddeċiedu jekk hiex l-aħjar mod, il-perżważjoni, jew inkella l-forza li tista' tesporta l-Ewropa li hija ekonomika. Jiena nikkonkludi billi ngħid illi rridu nagħtu l-fakultajiet kollha lill-istituzzjonijiet tagħna biex jaraw kif, dak li nemmnu fih, jiġi marbut ma' xi koerenza li tista' tiġi inforzata jew esportata min-naħa tal-Komunità. Nirringrazzjak.

 
Avviż legali - Politika tal-privatezza