Diskorsi ta' minuta (Artikolu 150 tar-Regoli ta' Proċedura)
Joseph Cuschieri (S&D). - Fl-ewwel ta’ Mejju madwar l-Ewropa ġie kkommemorat Jum il-Ħaddiem. Dan il-jum ifakkarna fil-kisbiet ekonomiċi u soċjali tal-ħaddiema. Minħabba l-kriżi ekonomika, dawn il-kisbiet ekonomiċi u soċjali qed jitnaqqru u jiġu attakkati minn gvernijiet bla ruħ soċjali li qed jimponu miżuri ta’ awsterità u ta’ dixxiplina fiskali mingħajr ma jagħtu każ il-problemi u d-diffikultajiet eżaġerati li qed joħolqu lill-ħaddiema u lill-familji. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja saret kriżi soċjali. Hemm bżonn li aktar minn qatt qabel nisimgħu lill-ħaddiema u nagħtuhom vuċi. Il-ħaddiema Ewropej iridu t-tkattir tal-opportunitajiet tax-xogħol, żieda fl-investiment u azzjonijiet li jistimulaw ix-xogħol speċjalment għaż-żgħażagħ. Dan huwa d-dritt tagħhom. Ir-rata tal-qgħad fl-Ewropa hija l-ogħla waħda fl-aħħar ħmistax-il sena b’aktar minn 24 miljun persuna bla xogħol. Il-miżuri ta’ awsterità u ta’ dixxiplina finanzjarja mill-Kunsill Ewropew mhumiex is-soluzzjoni għal dan il-qgħad. U hu għalhekk li naqbel u nippromwovi l-proposta tal-Parlament Ewropew għall-garanzija Ewropea għaż-żgħażagħ li tiżgura d-dritt li kull żagħżugħ fl-Unjoni Ewropea jiġi offrut impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew taħlita ta’ xogħol u taħriġ wara perjodu massimu ta’ erba’ xhur bla impjieg. Fil-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku Ewropew li qed ngħixu fih illum, din il-garanzija tista' sseħħ billi tiġi ffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew.