Diskorsi ta' minuta (Artikolu 150 tar-Regoli ta' Proċedura)
Joseph Cuschieri (S&D). - Fid-9 ta' Marzu li għadda, f'Malta saret l-elezzjoni ġenerali. F'din l-elezzjoni ġie elett Gvern Laburista, li kiseb maġġoranza assoluta ta' 54.8 %, kif ukoll maġġoranza stabbli ta' disa' deputati fil-Parlament. Il-Prim Ministru l-ġdid Soċjalista Malti huwa Joseph Muscat, li kien ukoll Membru ta' dan il-Parlament. Dwar il-Gvern il-ġdid Malti, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso, qal li jħares lejn impenn kontinwu biex il-Kummissjoni taħdem spalla ma' spalla ma' Malta. Il-President ta' dan il-Parlament Martin Schulz, qal li jinsab entużjast li jaħdem fil-qrib mal-Prim Ministru l-ġdid Malti biex jinstabu t-tweġibiet għall-isfidi li għandha quddiemha l-Unjoni Ewropea.
Il-mandat ta' dan il-Gvern iwassal sas-sena 2017, fejn Malta jkun imiss lilha li tmexxi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Quddiem il-kriżi ekonomika fl-Ewropa, il-gvern il-ġdid ta' Malta se jikkontribwixxi bis-sħiħ fil-Kunsill tal-Ministri biex jippromwovi governanza responsabbli, Ewropa ekonomikament stabbli, Ewropa li terġa' trodd lura liċ-ċittadini Ewropej iċ-ċertezza ekonomika u soċjali. Malta tappoġġja bil-qawwa miżuri għat-tkabbir ekonomiku li joħolqu l-impjiegi u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea li tkun aktar ġusta, fejn il-prinċipju tas-solidarjetà jkun hemm bil-fatti u mhux bil-kliem.