Perijodu għat-tmien elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali (A7-0138/2013 - Carlo Casini)
Joseph Cuschieri (S&D), bil-miktub. − Il-perjodu għat-tmien elezzjoni ta’ rappreżentanti fil-PE permezz tal-vot ta’ kulħadd.
Il-Parlament Ewropew illum għażel il-perjodu li fih trid issir it-tmien elezzjoni ta’ rappreżentanti fil-PE permezz tal-vot ta' kulħadd bejn il-Ħamis 22 u l-Ħadd 25 ta’ Mejju 2014. Nixtieq nenfasizza l-qbil tiegħi mal-idea li l-età tal-vot tinżel għal 16-il sena. Kien b’dan il-għan li appoġġjajt dikjarazzjoni bil-miktub li kienet saret fl-2012 biex il-Parlament Ewropew japprova din il-miżura. L-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza hija importanti ferm biex titrawwem ċittadinanza attiva, aktar u aktar meta s-sena 2013 hija dikjarata bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadin.
F’Malta, ċittadini ta’ 16-il sena diġà għandhom il-jedd tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, u dan grazzi għall-inizjattiva tal-Gvern ġdid Laburista. Dan il-jedd jista’ jkun li jiġi estiż għall-elezzjoni ġenerali. Huwa importanti li jingħad u jerġa’ jingħad li l-jedd għall-vot huwa forma irrevokabbli ta’ parteċipazzjoni demokratika, u ż-żgħażagħ Ewropej għandu jkollhom jeddijiet daqs kemm għandhom dmirijiet. Irridu nuru fiduċja fiż-żgħażagħ. Huma jridu jkunu l-ġejjieni tad-deċiżjonijiet tagħna. Għandna nagħtu liż-żgħażagħ mis-16-il sena 'l fuq fl-Ewropa kollha, inkluż f'Malta u Għawdex, il-jedd li jagħżlu r-rappreżentanti Ewropej tagħhom.