Oġġetti pirotekniċi (A7-0375/2012 - Zuzana Roithová)
Joseph Cuschieri (S&D), bil-miktub. − B'dan ir-rapport, l-Unjoni Ewropea llum għandha leġiżlazzjoni ferm aktar b’saħħitha. Din hi direttiva importanti li ssostni l-ħtieġa ta’ sigurtà imposta fuq prodotti pirotekniċi li jiddaħħlu fis-suq tal-UE. Dawk li jaħdmu n-nar fil-fatt huma mistennija li juru li l-prodott pirotekniku tagħhom ikun disinjat u maħdum skont ir-regoli essenzjali ta’ sigurtà u jġorr it-timbru tal-KE jekk dan ikun se jinbiegħ.
Dan huwa riżultat tajjeb għaċ-ċittadini Ewropej u Maltin. L-armonizzazzjoni u l-aġġornament tar-regoli tekniċi dwar prodotti pirotekniċi huma mezz biex tkompli titjieb is-sigurtà għall-konsumaturi kif ukoll biex tkun assigurata l-funzjoni tas-suq intern u titjieb il-kompetittività tal-industrija fl-UE. Kull leġiżlazzjoni għandha tiggarantixxi s-sigurtà tal-ħaddiema u ċ-ċittadini. Dan l-iżvilupp joffri sodisfazzjon partikolari liċ-ċittadini Maltin peress li l-kultura tal-piroteknika hija integrali kemm għall-identità Maltija kif ukoll għall-wirt nazzjonali. Nemmen li r-regoli li għadna kemm approvajna joffru appoġġ sħiħ lill-arti tal-piroteknika.