Joseph Cuschieri (S&D). - Nixtieq li nesprimi l-qbil tiegħi mal-kontenut tar-rapport dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Blue Growth primarjament għax din tifforma l-parti marittima tal-istrateġija Ewropa 2020. Tagħmel sew l-Unjoni Ewropea li tħares lejn l-ibħra bħala risorża importanti li tista' tgħin it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.
Ir-Rapport Blue Growth jagħti indikazzjoni tajba dwar il-potenzjal tal-ekonomija marittima fl-Ewropa sabiex toħloq tkabbir sostenibbli u inklussiv li jġib miegħu ħolqien tax-xogħol.
Qed nagħmel din l-ispjegazzjoni biex nenfasizza tliet punti importanti.
L-ewwel sabiex nagħfas proprju fuq l-importanza tal-punt dwar il-ħolqien tax-xogħol. Nemmen li għal kull inizjattiva politika jew leġiżlattiva li nieħdu fl-Unjoni Ewropea għandna dejjem inżommu f’moħħna kif din se tgħin il-ħolqien tax-xogħol u ż-żieda tal-opportunitajiet għall-impjiegi sostenibbli.
It-tieni punt li xtaqt nagħmel hu dwar il-ħtiġijiet tal-gżejjer fl-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li dejjem niftakru li, fejn għandu x’jaqsam it-trasport marittimu, il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea jkollhom iġarrbu spejjeż ħafna ikbar minn żoni kostali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
It-tielet u l-aħħar punt li xtaqt nagħmel huwa dwar l-industrija tal-cruises. Nagħraf li din hija risorża ekonomika u turistika importanti li tħalli impatt qawwi speċjalment fuq il-komunitajiet tal-viċin. Jeħtieġ li nieħdu ħsieb li dawn il-cruise liners ikunu ‘energy efficient’ u li l-iżvilupp ta’ din l-industrija jsir f’qafas li jirrispetta pjan kulturali u storiku għat-turiżmu taż-żoni tal-portijiet li jilqgħu dawn il-cruise liners.