Joseph Cuschieri (S&D). – Naqbel mal-ispirtu ta' dan ir-rapport speċjalment fejn jitkellem dwar il-ħtieġa ta' aktar riżorsi u strutturi kif ukoll il-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar dwar miżuri li jiġġieldu theddid għas-saħħa taċ-ċittadini li joriġinaw minn sorsi kimiċi jew ambjentali, u għalhekk ivvutajt favur. Id-dritt għat-trattament ta' pazjent huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Nerġa' ntenni li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tfittex li taħdem f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej tas-saħħa li jirrappreżentaw lill-pazjenti Ewropej biex dawn ikollhom rikonoxximent sħiħ tad-dritt bażiku għal dijanjożi, trattamenti, terapiji u aċċess immedjat għall-mediċini.
Wasal iż-żmien li kull pazjent Ewropew li jmur fi sptar f'pajjiżu għandu jingħata perjodu definittiv ta' żmien raġonevoli ta' stennija. Fl-istess waqt, meta l-Istat jonqos milli jżomm kelmtu, il-gvern ta' dak l-Istat Membru għandu jkun marbut li jiżgura li l-pazjent ikun mibgħut għat-trattament fi sptar privat jew, jekk ikun hemm bżonn, anke fi sptar barra l-pajjiż. Huwa importanti li, f'ċirkostanzi bħal dawn, niggarantixxu d-dritt li l-pazjenti Ewropej li jkunu operati barra minn pajjiżhom ikollhom il-ħlas tal-ispejjeż tagħhom imħallas mill-Istat Membru tagħhom wara li jirritornaw f'pajjiżhom.
Din il-garanzija għall-pazjenti, li huma ċittadini Ewropej, għandha tingħata mingħajr restrizzjonijiet sabiex b'hekk inħarsu aħjar l-interess tas-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Nenfasizza li dan huwa punt kruċjali għad-drittijiet tal-pazjenti Ewropej.