Id-dimensjoni marittima tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (A7-0220/2013 - Ana Gomes)
Joseph Cuschieri (S&D), bil-miktub. − L-ewwel parti ta' emenda 21 ta' dan ir-rapport titkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari. Ivvutajt favur l-ewwel parti ta' din l-emenda peress li Malta qiegħda ssofri minn din il-problema. Wara li daħlu f’Malta ammont sostanzjali ta’ immigranti fit-3 u fid-9 ta’ Lulju li għadda, il-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom esprimiet ‘tħassib kbir’ għad-diskors tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat wara li dan indika l-possibbiltà li dawn il-persuni jintbagħtu lura l-Libja mingħajr ma jitħallew jagħmlu talba formali għall-ażil. Sussegwentement jien staqsejt lill-Kummissjoni tispjega kif l-Ewropa se tgħin lil Malta u tassisti lill-Gżejjer Maltin biex jikkumbattu din is-sitwazzjoni diffiċli u kritika. Jiddispjaċini li l-unika risposta li ħadt mingħand il-Kummissarju kienet li Malta rċeviet mill-UE, mill-2007 ʼl hawn, l-ammont ta’ €84.96 miljun bħala għajnuna. Il-poplu Malti mhuwiex kuntent b’din ir-risposta. Din mhijiex kwistjoni ta’ flus. Din hi kwistjoni ta’ solidarjetà bil-fatti u bl-azzjoni. L-ewwel parti ta' klawsola 21 tispjega kif l-immigrazzjoni irregolari toħloq pressjoni fuq il-konfini marittimi ta' pajjiżi membri tal-UE. Dan hu dak li qed tħabbat wiċċha miegħu Malta. L-UE għandu jkollha ftehim ta’ burden sharing dwar l-immigrazzjoni li jorbot u mhux volontarju. Malta se tibqa' titratta din il-problema bl-aktar mod serju, responsabbli, b’rispett għall-persuni involuti kif ukoll b’rispett għal-liġijiet internazzjonali.