Interventi ta' minuta dwar kwistjonijiet ta' importanza politika
Joseph Cuschieri (S&D). - Ġimagħtejn ilu, f'din l-istess Kamra u f'dan il-bini, kellna dibattitu kommoventi dwar it-traġedja serja kontinwa fil-Mediterran tal-immigranti irregolari kif ukoll ċerimonji emozzjonali biex infakkru l-vittmi ta' Lampedusa. Kellna diskors emozzjonanti mill-Kummissarju Cecilia Malmström. Dawn wara żjara tagħha u tal-President Barroso f'Lampedusa, fejn żaru serbut twil ta' twiebet bil-katavri ta' dawk li tilfu ħajjithom. Minn dan kollu għaddew ġimagħtejn. Nistaqsi: x'sar? Ir-risposta hija: assolutament xejn! Il-Mediterran kompla jsir ċimiterju tal-imsejkna innoċenti bi traġedja oħra qrib Lampedusa. Malta u l-Italja waħedhom għamlu ħilithom biex isalvaw kemm jista' jkun ħajjiet; u dan minkejja li reġgħu tħallew waħedhom.
Nistaqsi: fejn hu r-rispett lejn il-ħajja umana? Fejn hi s-solidarjetà li nitkellmu dwarha? Fejn hi l-Unjoni Ewropea quddiem din it-traġedja? Fejn huma l-Istati Membri? Sa issa smajna paroli biss, azzjoni konkreta xejn! Jekk l-Ewropa se tibqa' tkun passiva, aktar nies qed imutu u se jkomplu jmutu. Mingħajr aktar dewmien jeħtieġ ftehim u mekkaniżmu ġust ta' kondiviżjoni ġusta tal-piż. Ftehim li jkun jorbot lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea. Dan hu dak li għandu jsir u li nawgura li jkun ir-riżultat tas-samit Ewropew ta' din il-ġimgħa. Xejn inqas minn hekk. Żmien il-paroli spiċċa, qed nistennew azzjoni.