Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi Ewropej - Il-Fond Soċjali Ewropew - Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi - Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea - Il-Fond ta' Koeżjoni - Raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (dibattitu)
Joseph Cuschieri (S&D). - Il-Fond Soċjali Ewropew huwa meqjus bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin li l-Unjoni Ewropea għandha għall-ħidma tagħha b'riżq l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, b'attenzjoni speċjali fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Fi żmien meta fl-Ewropa hawn 27 miljun ruħ bla xogħol u 146 miljun oħra f'riskju ta' faqar, ftehim dwar dan il-fond jibgħat sinjal qawwi tad-determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tilqa' l-isfidi soċjali u [dawk] ta' impjiegi fi ħdan l-Istrateġija 2020 tal-Ewropa.
Huwa importanti li 20 % tal-baġit tal-Fond Soċjali Ewropew se jkun allokat għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Importanti wkoll li qed issir referenza speċifika għat-twettiq ta' Garanzija liż-Żgħażagħ permezz tal-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ.
"Il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum hija l-ġejjieni tal-Ewropa ta' għada".
Il-Fond Soċjali Ewropew se jkun qed jgħin lil pajjiżi bħal Malta. Minħabba l-parteċipazzjoni baxxa ta' nies akbar fl-età u numru żgħir ta' nisa li jaħdmu, Malta għandha waħda mir-rati l-aktar baxxi ta' nies jaħdmu fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri 63.1%, skont statistika tal-2012.
Il-Fond Soċjali Ewropew se jkun qed jappoġġja u jgħin liż-żgħażagħ u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà biex jintegraw fis-suq tax-xogħol.