Il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi (A7-0394/2013 - Inês Cristina Zuber)
Joseph Cuschieri, f'isem il-grupp S&D. – Ivvutajt favur il-proposta sabiex nawtorizzaw l-Istati Membri sabiex jirratifikaw dawn il-partijiet tal-Konvenzjoni Nru 189 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar xogħol diċenti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Skont figuri tal-Eurostat hemm 2,6 miljun ħaddiem domestiku fl-Unjoni Ewropea liema persentaġġ għoli minn dawn huma nisa. Ix-xogħol domestiku huwa wieħed mill-iktar xogħlijiet neqsin mill-protezzjoni. Il-Konvenzjoni 198 tal-ILO tintroduċi l-ħtieġa għall-protezzjoni għall-ħaddiema domestiċi. Dawn il-ħaddiema spiss isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u vittmi ta' diskriminazzjoni jew abbuż ieħor marbut mad-drittijiet tal-bniedem. F'numru ta' pajjiżi tal-Unjoni, ħaddiema domestiċi spiss jingħataw xogħol prekarju jew bla kuntratt. Jitħallsu tard, jaħdmu sigħat miżjuda, ma jingħatawx vacation leave jew ġranet ta' mistrieħ, jaħdmu fil-festi pubbliċi, u f'ċertu każijiet, saħansitra, ma jitħallsu xejn. Hemm bżonn li nieqfu. L-Unjoni Ewropea ma tistax tkompli tagħlaq għajnejha quddiem dan kollu. Jeħtieġ li dawn in-nies jingħataw attenzjoni u aħna jmissna nagħrfu sew il-valur tal-ħaddiema domestiċi u nagħtuhom il-garanziji u d-drittijiet. Sfortunatament, numru kbir ta' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, ma rratifikawx din il-Konvenzjoni 189 tal-ILO. Saħansitra anki l-pajjiżi li rratifikawha, għadhom ma ġabuhiex fis-seħħ. Dan mhuwiex aċċettabbli speċjalment fil-kuntest ta' kriżi ekonomika u tnaqqis ta' solidarjetà. B'dan ir-rapport il-Parlament Ewropew qed jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex jirratifikaw din il-Konvenzjoni. Ċerti pajjiżi jeħtieġ ukoll illi jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi bħall-età minima għall-ħaddiema. Il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jistabbilixxu wkoll mekkaniżmu li jipprovdi salvagwardja għall-ħaddiema taħt it-18-il sena. Hemm bżonn li kull pajjiż jieħu azzjoni li twassal għal kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema fejn għandha x'taqsam il-prevenzjoni tal-abbuż, il-vjolenza, u x-xogħol ta' tfal taħt l-età.