Kumpens u assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (A7-0020/2014 - Georges Bach)
Joseph Cuschieri (S&D). - Illum, il-Parlament Ewropew ivvota fuq wieħed mir-rapporti l-iktar importanti ta' din il-leġiżlazzjoni. Il-vot tal-lum hu rebħa għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, għaliex se jkollu impatt dirett fuq ħajjithom. Dan hu dovut għax-xogħol iebes ta' din l-istituzzjoni minkejja li spiss tkun meqjusa bħala 'l bogħod mill-ħajja ta' kuljum tal-poplu.
Ir-rapport dwar id-drittijiet tal-passiġġieri se jitqies bħala għodda biex jintlaħqu l-isfidi tas-seklu wieħed u għoxrin li għandhom x'jaqsmu mat-traffiku tal-ajru u li jistgħu jgħinu fil-ħarsien tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-konfront ta' kumpaniji kbar tal-ajru. F'suq Ewropew liberalizzat, fejn, kemm in-numru ta' titjiriet, kif ukoll il-passiġġieri, qegħdin dejjem jiżdiedu, għandna bżonn naraw li d-drittijiet tal-passiġġieri jkunu żgurati.
Rigward l-immaniġġjar tal-ilmenti, huwa importanti li tiġi introdotta proċedura tal-ilmenti b'limitu ċar ta' żmien u b'identifikazzjoni preċiża tar-rwol il-ġdid tal-entità li għandha tiġi stabbilita għat-trattament tal-ilmenti.
Fl-allowances tal-bagalji, il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt li jġorru fil-kabina oġġetti essenzjali personali bla ebda spejjez li jinkludi wkoll ix-xiri mill-ajruport minbarra l-allokazzjoni massima tal-bagalji. It-titjib jinkludi aktar informazzjoni trasparenti, iktar postijiet ta' kuntatt aċċessibbli fl-ajruport u proċedura eħfef għall-ilmenti u t-tisħiħ fis-sistema tal-infurzar.
Il-kundizzjonijiet dwar ir-regoli tal-bagalji ġew armonizzati aħjar u mhux se jkun iktar possibbli li passiġġier ma jitħalliex jirkeb vjaġġ ta' ritorn għax il-passiġġier ikun tilef il-vjaġġ inizjali. Id-dmir tagħna bħala Membri Parlamentari Ewropej kien li tiġi żgurata perspettiva koerenti billi nipprovdu ftehim ċar għad-drittijiet taċ-ċittadini. Dan filwaqt li ma nħallux liċ-ċittadini f'sitwazzjonijiet fejn il-kumpaniji li joperaw it-titjira jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħhom.