Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (A7-0183/2013 - Emer Costello)
Joseph Cuschieri, f'isem il-grupp S&D. – Permezz tal-Istrateġija Ewropa[nbsp ]2020, l-Unjoni Ewropea għamlet il-mira tagħha li tnaqqas tal-inqas 20[nbsp ]miljun in-numru ta' nies fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali sas-sena[nbsp ]2020.
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, madankollu, qiegħda xxerred il-faqar u l-esklużjoni soċjali mal-Unjoni kollha kemm hi. Madwar 120[nbsp ]miljun ċittadin Ewropew, żieda ta' sitt miljuni f'sentejn u llum kważi kwart tal-popolazzjoni, kienu fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-2011. Aktar minn 40[nbsp ]miljun ibatu minn xi forma ta' nuqqas materjali.
Aktar minn 25[nbsp ]miljun tifel u tifla fl-Unjoni kienu fir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali sal-2011. Fl-istess żmien, il-kriżi ekonomika u finanzjarja herriet il-ħila tal-Istati Membri biex joffru appoġġ lil dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali.
Għal din ir-raġuni, llum inħossni kburi li s-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew ħadu l-inizjattiva dwar il-ħolqien ta' fond ġdid li jipprovdi għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Il-fond ta' €2.5[nbsp ]biljun propost għall-perjodu[nbsp ]2014-2020 se jkun qed iservi ta' strument akbar li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu avviċinati persuni fil-bżonn jew familji fi Stati Membri li l-ħtieġa tagħhom għall-għajnuna tkun stabbilita mill-awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet bi sħab magħhom, jew indirettament permezz tal-provvista ta' ikel u bżonnijiet oħra għal persuni mingħajr saqaf fuq rashom jew tfal.
Nemmen li l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn huwa sinjal ta' solidarjetà Ewropea ma' dawk l-aktar milqutin mill-kriżi, anki jekk iż-żieda fil-baġit għadha 'l bogħod minn biżżejjed. L-appoġġ mistenni minn dan il-Fond propost m'għandux jitqies bħala sostitut għal politika komprensiva li hi meħtieġa biex jitnaqqas u jispiċċa, l-faqar. Din hija l-isfida li l-Unjoni u l-Istati Membri għadhom iridu jħabbtu wiċċhom magħha fil-futur.