Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (A7-0075/2014 - Antonyia Parvanova)
Joseph Cuschieri (S&D). - Kważi 45[nbsp ]fil-mija tan-nisa fl-Ewropa sofrew xi forma ta' vjolenza u sa 15[nbsp ]fil-mija kienu vittmi ta' vjolenza domestika. Seba' nisa fl-Unjoni Ewropea jmutu kuljum minn vjolenza domestika.
Jeħtieġ tittieħed azzjoni serja biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni. Ħafna Stati Membri jgħidu li ma jifilħux jallokaw aktar riżorsi biex jiġġieldu dan it-tip ta' vjolenza. Iżda jien nemmen li aktar jagħmel sens ninvestu f'miżuri preventivi.
Illum fl-Unjoni Ewropea m'hemmx liġi li tistabbilixxi miżuri li jippromwovu azzjoni fl-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. Numru ta' riżoluzzjonijiet saru biex isejħu għal ħidma kontra dan it-tip ta' vjolenza.
Jiddispjaċini ninnota li l-Kummissjoni rrispondiet billi qalet li m'hemmx bażi legali għal direttiva. Għaldaqstant la għandna liġi u lanqas għandna strateġija komprensiva biex nikkumbattu l-vjolenza kontra n-nisa.
Għal din ir-raġuni, nilqa' dan ir-rapport li qegħdin napprovaw. Dan hu rapport b'riżoluzzjoni li jinkludi wkoll talba leġiżlattiva li biha qed nirrakkomandaw li mhux biss il-vjolenza tkun identifikata fid-Direttiva tal-Istandards Minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi imma wkoll sabiex noħolqu forum għas-soċjetà ċivili u awtoritajiet konċernati.