Claudette Abela Baldacchino (S&D), bil-miktub. - Bħala Ewropej li nemmnu fid-demokrazija vera, konna minn ta` quddiem li tajna l-appoġġ tagħna lil dawk li bdew il-battalja għad-demokrazija f`pajjizi Għarab matul ir-Rebbiegħa Għarbija. Nafu li l-progress li sar fl-ewwel snin wara li kienu eliminati d-dittaturi, ma kienx dak li forsi ħafna minna konna qegħdin nistennew. Iċ-ċittadini ta` dawn il-pajjiżi jistgħu jkunu huma wkoll diżappuntati għax il-progress li kienu qegħdin jistennew m`humiex qegħdin iħossuh jew qegħdin iħossuh ftit li xejn. Għalhekk importanti li lil dawn il-pajjiżi ngħinuhom biex jiżviluppaw. Iżda rridu nkunu ċerti li l-għajnuna li tingħata tkun qiegħda tilħaq l-iskopijiet li għalihom tkun qiegħda tingħata.