L-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (A7-0249/2013 - Danuta Jazłowiecka)
Joseph Cuschieri (S&D), bil-miktub. - Fid-dawl tal-kriżi ekonomika u tal-livell għoli ta’ qgħad fl-Ewropa, waħda mill-ikbar sfidi għall-Istati Membri hi li jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ livell għoli għaż-żgħażagħ. Għal din ir-raġuni jiena nilqa' bi pjaċir il-vot tal-lum tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien ta’ qafas Ewropew għall-iżvilupp ta’ “Riżorsi Edukattivi Miftuħa”. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ser tgħin biex issaħħah il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kontinent tagħna u tgħin ukoll biex tagħmel mill-Ewropa destinazzjoni attraenti għal studenti minn madwar id-dinja. Biex nilħqu dawn l-għanijiet jeħtieġ ukoll li nappoġġjaw l-edukazzjoni diġitali. Illum, l-Istati Membri qed isejħu biex din tkun applikata fil-livelli primarji u sekondarji u sabiex tkun disponibbli għall-gruppi żvantaġġjati, għal persuni bla impjieg kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet iktar anzjani. Dan hu neċessarju iktar u iktar meta nirrealizzaw li sas-sena 2020, 90% tal-impjiegi se jkunu jirrikjedu ħiliet diġitali. In-natura tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed tinbidel b’rata mgħaġġla fl-Ewropa. Ħafna mit-taħriġ illum isir permezz ta’ korsijiet fuq l-internet u ħafna minn dan it-taħriġ jingħata bla ħlas. Sabiex is-sistema edukattiva tkun iktar moderna, jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti fil-faċilitajiet edukattivi li jkunu attrezzati bit-teknoloġija tal-informatika. Essenzjali li ninvestu f’din id-direzzjoni u dejjem intejbu l-metodi li għandna sabiex niksbu l-miri tal-istrateġija Ewropea għas sena 2020 u nagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja realta għal kullħadd. (votazzjoni finali)