Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
 Indiċi 
 Test sħiħ 
Dibattiti
L-Erbgħa, 12 ta' Frar 2020 - Strasburgu Verżjoni proviżorja

Sistema ta' Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) (dibattitu)
MPphoto
 

  Roberta Metsola, Rapporteur. – It-triq biex wasalna sa hawn kienet waħda twila, imma wasalna. Meta jkun hemm dokumenti li jiġu ffrodati jimminaw is-sigurtá interna fiż-żona Schengen, li hi żona ta’ moviment ħieles mingħajr kontrolli fil-fruntieri.

Din il-liġi l-ġdida tindirizza din il-problema billi tassigura li jkun hemm tisħiħ ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ pajjiżi msieħba, biex jieħdu passi dwar l-awtentiċitá jew il-falsitá tad-dokumenti. B’hekk ikun hemm garanzija ta’ sigurtá akbar fil-fruntieri esterni u s-sigurtá taċ-ċittadini li aħna nirrappreżentaw.

Aħna nafu li l-uniku mod kif nistgħu ngawdu l-benefiċċji li ġġib magħha ż-żona Schengen huwa li ċ-ċittadini tagħna jkollhom fiduċja fl-immaniġġjar tal-fruntieri esterni. U din il-liġi hija strumentali u essenzjali f’dan kollu – il-fruntieri, is-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-liġi l-ġdida se tgħin biex jiġu identifikati u jinqabdu dokumenti li jkunu ġew iffalsifikati. Din il-liġi tipprovdi qafas biex dan isir bla ma jkun hemm telf ta’ ħin u dan isir bl-assistenza tal-Frontex li tkun responsabbli wkoll mill-qsim tal-informazzjoni mal-pajjiżi kollha parteċipanti li jkunu megħjuna u infurmati kif jistgħu jaqbdu sitwazzjonijiet fejn ikun hemm falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-liġi tiċċara r-rwol tal-Frontex fit-twaqqif tal-FADO. Aħna saħħaħna dak li jaqa’ taħt din il-liġi sabiex il-FADO tinkludi iżjed informazzjoni milli tagħmel illum.

Aħna rridu uniformitá u konsistenza fil-livell ta’ informazzjoni li l-FADO jkollha dwar il-ġenwinitá, il-falsitá u l-iffrodar tad-dokumenti u biex l-informazzjoni tkun iċċentralizzata.

Aħna ridna wkoll li l-Frontex ikollha l-flessibilitá neċessarja biex tistabbilixxi u ttejjeb il-FADO. Assigurajna li l-Aġenzija tfassal dokument ġdid dwar miżuri effettivi biex jiġu identifikati metodi ta’ ffalsifikar.

Naturalment għamilna dak kollu li stajna biex id-data personali tkun konformi mal-liġijiet Ewropej. Ir-riżultat għandu jwassal għal protezzjoni akbar u fl-istess waqt ikun hemm garanzija ta’ sigurtá aktar stretta.

Il-FADO hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni partikolarment fil-fruntieri esterni. Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea imma li jipparteċipaw fiż-żona Schengen hija wkoll kruċjali għax fl-aħħar mill-aħħar din ikollha impatt pożittiv fuq is-sigurtá tal-fruntieri esterni. Din tista’ tidher bħala sistema teknika wisq, imma hija sistema li naħseb naqblu li hija essenzjali biex tikkomplementa r-riforma tal-fruntieri Ewropej u l-ħarsien tal-istess fruntieri.

F’dawn in-negozjati aħna għamilna l-almu tagħna biex ir-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament jitwessgħu. Dan filwaqt li niżżilna r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-Aġenzija u assigurajna li l-ipproċessar tad-data personali mill-Aġenzija u l-Istati Membri jkun konformi mal-liġijiet Ewropej.

Assigurajna wkoll li l-Parlament ikollu sehem akbar fil-FADO. Fl-aħħar nett jiena nixtieq nirringrazzja lill-Kunsill, lill-Presidenzi Finlandiżi u Kroati, kif ukoll lill-kollegi tiegħi minn kull grupp politiku għall-ħidma kostruttiva ħafna li aħna għamilna. Jiena nħares ’il quddiem lejn dan id-dibattitu li se jsir f’din il-plenarja biex imbagħad nasal biex nikkonkludi wara l-intervent ta’ kulħadd.

 
Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza