Il-Kummissjoni hija konxja mill-problemi maħluqa mill-moviment ta' klieb ta' eta żgħira fl-Unjoni Ewropea u lejn l-istess Unjoni. Madanakollu, investigazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-allegati kundizzjonijiet ħżiena sanitarji u tat-trattament tal-annimali tal-kummerċ fil-ġriewi mill-Ewropa tal-Lvant ġew imfixkla bin-nuqqas ta' evidenza ta' sostenn.
Il-Komunità għandha sett komprensiv ta' regoli dwar il-ħarsien tal-klieb waqt it-trasport u l-Kummissjoni qed tesplora l-għażliet dwar is-saħħa tal-annimali biex tindirizza l-problema tal-kummerċ tal-klieb moħbija bħala moviment mhux kummerċjali ta' klieb domestiċi.
Klieb intenzjonati għall-kummerċ intra-Komunitarju u klieb domestiċi impurtati minn pajjiżi terzi f'għadd li jaqbeż il-ħames annimali għandhom jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE(1) li jirreferu għar-rekwiżiti tas-saħħa stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets(2) (“ir-Regolament tal-Annimali Domestiċi”). Ir-Regolament tal-Annimali Domestiċi jistipula li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-moviment ta' klieb domestiċi li jkollhom anqas minn tliet xhur u ma jkunux imlaqqma għar-rabja soġġett għall-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet addizzjonali.
Fir-rigward tal-ħarsien tal-annimali, il-klieb u l-klieb domestiċi li jiġu trasportati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 92/65/KEE huma soġġetti għal eżaminazzjoni klinika ta' qabel it-trasportazzjoni, u l-idoneità tagħhom li jivvjaġġaw hija ċertifikata. Dawk l-annimali huma, waqt it-trasport, koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati(3). Din il-leġiżlazzjoni b'mod partikolari tipprojbixxi mingħajr eċċezzjoni t-trasport mingħajr l-omm tal-ġriewi li jkollhom anqas minn tmien ġimgħat. Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 ma japplikax għat-trasport mhux kummerċjali tal-klieb domestiċi.
Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE(4) dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku tapplika għall-movimenti mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi akkumpanjati minn u taħt ir-responsabbiltà ta' persuna fiżika. L-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva jagħti gwida dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-kummerċ. L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Annimali Domestiċi jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità ta' kelb domestiku li jkun ġej minn pajjiż terz jekk dan għandux jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu, jekk għandux jiġi iżolat sakemm jinġieb f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew, bħala l-aħħar għażla, jekk għandux jitraqqad mingħajr kumpens finanzjarju.
Verifiki veterinarji dwar il-movimenti mhux kummerċjali bejn l-Istati Membri ta' klieb domestiċi jitwettqu minn korpi li jinfurzaw il-liġi fl-Istati Membri fil-qafas ta' verifiki ta' rutina u aleotorji ġenerali u mmirati, fuq persuni u mezzi tat-trasport, f'konformità mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat u mingħajr ma jiġi mfixkel is-suq uniku. Meta l-awtorità kompetenti tidentifika in-nuqqas ta' konformità, din għandha taġixxi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali(5).