F'Ġunju 2009 l-Kummissjoni ħarġet Opinjoni Motivata skont l-Artikolu 226 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar in-nuqqas ta' konformità tar-Regolamenti ta' Malta tal-2007 dwar il-Kuntratti ta' Servizz għal Terminu ta' Żmien Fiss (Avviż Legali 51/07) (kif emendat permezz tal-Avviż Legali 239/08) (“ir-regolamenti prinċipali”) mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim ta' qafas dwar xogħol b'termini fissi milħuq mill-ETUC, UNICE u CEEP(1) (“id-Direttiva”).
F'Diċembru 2009 l-awtoritajiet Maltin innotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-Regolamenti (emendati) tal-2009 dwar il-Kuntratti ta' Servizz għal Terminu ta' Żmien Fiss (Avviż Legali 376/2009), li emendaw għal darb'oħra r-regolamenti prinċipali. Dawn tal-aħħar, skont kif ġew emendati, jistqarru li ma japplikawx għal:
(a)
persuni appuntati biex jaqdu dmirhom f'bord ta' awtorità mwaqqfa bil-liġi jew awtorità pubblika, kummissjoni, kumitat, korporazzjoni jew il-bord ta' kwalunkwe persuna ġuridika mwaqqaf bil-liġi jew xi entità fis-settur pubbliku oħra kif imsemmi fl-Artikolu 80(3) tal-Att [Impjieg u Relazzjonijiet Industrijali];
(b)
l-inkarigu jew l-inkarigi ta' responsabbiltajiet partikolari jew miri ta' ħidma, fil-kuntest ta' kuntratt indefinit ta' impjieg, li jkunu għal perjodu, waħedhom jew meħuda flimkien, li ma jaqbiżx erba' snin:
Kemm-il darba fil-kalkolu tal-perjodu ta' erba' snin jiġu inklużi perjodi ta' pawża sa tliet xhur f'inkarigu jew bejn inkarigi suċċessivi li jkunu sostanzjalment tal-istess natura;
(c) persuni li jkunu qed jagħmlu taħriġ jew esperjenza ta' xogħol taħt skema ta' taħriġ jew apprendistat jew borża ta' studju jew trainee scheme approvati.
Il-Kummissjoni analizzat l-effett ta' din il-leġiżlazzjoni li temenda, inklużi l-kategoriji li ġew esklużi (elenkati hawn fuq) u se tasal għal deċiżjoni dalwaqt dwar kif tipproċedi b'dan il-fajl. Hija se taġġorna lill-Onorevoli Membru meta tkun ittieħdet din id-deċiżjoni.