Il-provvista tal-ilma f'Malta
2.7.2010
Mistoqsija għal tweġiba bil-miktub E-5459/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 117 tar-Regoli ta’ Proċedura
Edward Scicluna (S&D)
Malta qed taffronta kriżi imminenti tal-unika riżorsa tagħha tal-ilma, jiġifieri l-provvista tal-ilma ta’ taħt l-art. L-ilma ta’ taħt l-art qed jiġi estratt b’rata ħafna akbar mir-rata tar-riforniment tiegħu u l-esperti tal-ilma huma tal-fehma li sas-sena 2025, Malta jista’ jispiċċalha l-ilma tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Din is-sitwazzjoni tassew ħażina li qed jaffrontaw il-Gżejjer Maltin ġiet enfasizzata fir-Reviżjoni tal-2006 tal-FAO dwar ir-Riżorsi tal-Ilma ta’ Malta, liema reviżjoni stabbiliet il-qafas għal Politika Nazzjonali tal-Ilma li tista’ tindirizza wkoll l-obbligi ta’ Malta fir-rigward tad-Direttiva ta’ Qafas tal-UE dwar l-Ilma. Minkejja dan, il-Politika Nazzjonali tal-Ilma ta’ Malta għadha ma ddaħħlitx fis-seħħ.
Hemm 8500 borehole irreġistrata u għadd mhux magħruf ta’ boreholes li mhumiex irreġistrati u li jagħmlu estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, u dan probabbilment jagħmel lil Malta l-pajjiż bl-ogħla volum ta’ estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fid-dinja. L-akwiferi jistgħu jipprovdu madwar 12 u 23 miljun metru kubu ta’ ilma ta’ taħt l-art sostenibbli kull sena.
Minkejja dan, l-istimi juru li attwalment qed jiġu estratti 35 miljun metru kubu minn boreholes privati kif ukoll pubbliċi, u r-rata qed tiżdied - dan iwassal għas-salinizzazzjoni tal-akwiferi. L-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mhijiex imkejla u ma tiġix iffatturata, jiġifieri l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art hija bla ħlas. Billi l-kumpanija pubblika tal-ilma (il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma) biss għandha liċenzja għall-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, it-8500 borehole u aktar qed jagħmlu estrazzjoni tal-ilma b’mod illegali.
Hija konxja l-Kummissjoni li minkejja l-insistenza tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma (2000/60KE[1]) li l-Istati Membri għandhom jippromwovu prattiki tal-konsum tal-ilma sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-gvern Malti jkompli jippermetti lil diversi utenti illegali tal-boreholes biex jużaw l-ilma mingħajr ħlas?
Fl-2000, l-Unjoni Ewropea ffissat data ta’ skadenza f’Diċembru 2009 għat-tressiq tal-politika ta’ ġestjoni tal-ilma. Kif qed tippjana biex tipproċedi l-Kummissjoni, billi l-gvern Malti ma forniex lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva, kif stipolat fid-Direttiva ta’ Qafas tal-Ilma?
X’garanziji tista’ tagħti l-Kummissjoni liċ-ċittadini Maltin li bħala membri tal-Unjoni Ewropea mhumiex se jitilfu l-uniku sors ta’ ilma naturali ta’ taħt l-art tagħhom bil-ksur tal-liġi tal-UE?
- [1] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
ĠU C 191 E, 01/07/2011