Tweġiba mogħtija mis-Sur John Dalli f'isem il-Kummissjoni
12.11.2010
Il-kwistjonijiet tal-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi u tal-protezzjoni tagħhom waqt it-trasport diġà ġew indirizzati mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bin-numri E-3787/09 u E-6868/10[1].
Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-klieb, hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni komprensiva biex tiżgura s-sikurezza tal-movimenti tagħhom fost l-Istati Membri. Meta l-klieb ikunu maħsuba għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, huma jridu jiġu mmarkati individwalment permezz ta’ tatwaġġ jew identifikatur elettroniku (“transponder”) — li se jkun l-uniku mezz ta’ mmarkar tal-annimali wara t-3 ta’ Lulju 2011, u huma jrid ikollhom tilqima valida kontra l-marda tar-rabja ddokumentata fil-passaport tagħhom maħruġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti. Il-passaport jistabbilixxi r-rabta bejn l-annimal immarkat individwalment u l-istatus tas-saħħa ċċertifikat tiegħu.
Ir-reġistrazzjoni tal-klieb mhijiex irregolata fil-livell tal-UE u għaldaqstant din il-kwistjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. F’ċerti Stati Membri r-reġistrazzjoni tal-klieb hija obbligatorja u teżisti bażi tad-dejta nazzjonali, filwaqt li fi Stati Membri oħra din il-kwistjoni mhijiex irregolata.
Fir-rigward tal-iżviluppi futuri possibbli fil-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għandha tfakkar lill-Onorevoli Membru li l-kompetenzi tal-UE b’rabta mal-annimali domestiċi huma limitati, u li kull inizjattiva ġdida tal-Unjoni dwar il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni obbligatorja tal-klieb fil-livell tal-UE trid tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
- [1] http://www.europarl.europa.eu/QP-WEB.
ĠU C 249 E, 26/08/2011