• DE - Deutsch
  • EN - English
  • IT - italiano
  • MT - Malti
  • NL - Nederlands
Mistoqsija Parlamentari - E-003343/2011(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-003343/2011(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sur Dalli f'isem il-Kummissjoni

Il-kwistjoni ta’ kummerċ illegali fl-annimali domestiċi u l-protezzjoni tagħhom diġà ġiet indirizzata mill-Kummissjoni fit-tweġibiet għal mistoqsijiet ta’ qabel li saru mis-Sra Muscardini E-004525/2008, mill-Onorevoli Membru E-003787/2009, mis-Sur Chountis E-006868/2010, u mis-Sur Berlato E-002270/2011[1].

Il-kontroll u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa tal-animali b’rabta mal-klieb u l-qtates primarjament huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għalhekk, il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-akkwist ta’ dawk l-annimali jikkostitwixxu parti mir-responsabilità tal-Istati Membri.

Ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi lmentaw mal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ infurzar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-kummerċ fil-klieb. Il-Kummissjoni issa qed tivvaluta x’azzjonijiet jistgħu jittieħdu biex tiżgura infurzar aħjar. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tintervjeni biss mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta dawn ikunu naqsu milli jimplimentaw ir-regoli tal-Unjoni, u ma tistax tintervjeni fi kwistjonijiet oħra li jaqgħu barra mir-responsabbiltà tal-Istati Membri, bħall-kundizzjonijiet għat-tnissil jew il-bejgħ tal-klieb fil-ħwienet.

Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet rikonoxxuti mill-Istat mhumiex issussidjati mill-UE.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/174/KEE tal-25 Marzu 1991 li tistabbilixxi l-ħtiġiet żootekniċi u tar-razza għall-marketing tal-annimali ta’ razza pura[2] tapplika għall-annimali ta’ razza pura, bħall-klieb. Il-liġijiet nazzjonali dwar il-kriterji għall-iskrizzjoni jew għar-reġistrazzjoni fir-rekords jew ir-reġistri nazzjonali tar-razez tal-annimali, dwar il-kriterji ta’ approvazzjoni għar-riproduzzjoni ta’ annimali ta’ razza pura u għall-użu tal-isperma, l-ovuli u l-embrijuni tagħhom u dwar iċ-ċertifikat meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jibqgħu japplikaw, sakemm issir l-implimentazzjoni tal-kriterji dettaljati għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali.

Fl-aħħar nett, kif ġiet mitluba fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates[3] tad-29 ta’ Novembru 2010 (li jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina d-diskrepanzi li jeżistu bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kummerċ fil-klieb u l-qtates kif ukoll fir-rigward tas-sistemi ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-annimali), il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tinkludi studju dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates fl-istrateġija futura tal-UE għall-protezzjoni u t-trattament xieraq tal-annimali.

ĠU C 309 E, 21/10/2011