Mistoqsija Parlamentari - E-001400/2018(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-001400/2018(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sur Avramopoulos f'isem il-Kummissjoni

Il-protezzjoni tat-tfal hija prijorità ċentrali tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. Il-liġi tal-UE tistipula li d-detenzjoni amministrattiva, inkluż fil-forma ta’ kustodja protettiva, jinħtieġ li tintuża bħala l-aħħar għażla, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jkun strettament meħtieġ biss, għall-inqas żmien possibbli u qatt ma tingħata akkomodazzjoni f’ħabs. Il-Kummissjoni reċentement enfasizzat “nuqqas persistenti ta’ xelters adegwati għal minorenni mhux akkumpanjati fuq il-gżejjer u fuq l-art kontinentali. Jinħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jħaffu l-proċess biex jiġu stabbiliti, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, 2 000 post ta’ akkoljenza addizzjonali […] madwar il-Greċja. Fil-hotspots kollha fil-Greċja twaqqfu u qed jiġu mħarrġa timijiet tal-protezzjoni tat-tfal.”[1] Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali jridu jassiguraw li jkunu disponibbli u aċċessibbli firxa vijabbli ta’ alternattivi għad-detenzjoni amministrattiva tat-tfal fil-migrazzjoni. Il-fondi tal-UE huma disponibbli biex jappoġġaw dan l-objettiv.

Skont l-informazzjoni ppubblikata mis-Servizz tal-Ażil Grieg[2], 9 168 talba ta’ trasferiment ta’ Dublin intbagħtu lil Stati Membri oħra dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, id-dipendenza u r-raġunijiet umanitarji u fl-2017 saru 4 758 trasferiment, inklużi trasferimenti ta’ minorenni mhux akkumpanjati, meta mqabbla mal-4 912-il talba ta’ trasferiment u 962 trasferiment fl-2016. Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni u enfasizzat il-ħtieġa għal aktar tisħiħ fil-kapaċità tas-Servizz tal-Ażil Grieg, inkluża l-Unità ta’ Dublin Griega, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u t-titjib tal-operazzjonijiet.

Fir-rigward tar-rilokazzjoni mill-Greċja, 21 999 persuna, inklużi 546 minorenni mhux akkumpanjati, ġew trasferiti mill-Greċja għal Stati Membri oħra.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza