Tweġiba mogħtija mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Borrell f'isem il-Kummissjoni Ewropea
21.9.2021
L-Unjoni Ewropea (UE) irreaġixxiet b’mod qawwi għall-inżul ta’ emerġenza tat-titjira ta’ Ryanair fit-23 ta’ Mejju 2021. Fl-24 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Ewropew ikkundanna dan l-att u stabbilixxa azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu[1]. Fl-4 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill introduċa projbizzjoni li biha linji tal-ajru tal-Belarussja ma jistgħux jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tal-UE u ma jistgħux jinżlu f’ajruporti tal-UE[2], u fil-21 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin adotta sanzjonijiet kontra 78 individwu u tmien entitajiet mill-Belarussja[3], inklużi seba’ individwi u entità b’rabta mal-inċident tar-Ryanair . Il-Kunsill qabel ukoll dwar sanzjonijiet ekonomiċi mmirati f’setturi ewlenin u li ġew adottati fl-24 ta’ Ġunju 2021[4].
Dawn il-miżuri kollha huma mezz biex issir pressjoni fuq ir-reġim tal-Belarussja biex ibiddel l-imġiba u l-azzjonijiet tiegħu, inkluż biex jeħles lil Roman Protasevich, Sofia Sapega, u lill-priġunieri politiċi kollha. L-UE appellat ripetutament għall-ħelsien tagħhom, inkluż meta l-ambaxxatur Belarussu ġie msejjaħ biex jiġi infurmat li l-UE tikkundanna l-pass inammissibbli tal-awtoritajiet Belarussi[5]. Is-sejħa għall-ħelsien immedjat ta’ Roman Protasevich u ta’ Sofia Sapega kienet ukoll element ċentrali ta’ dikjarazzjoni bi sħab mill-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u r-Renju Unit fil-21 ta’ Ġunju 2021[6].
Fir-rigward tar-rwol tar-Russja, il-messaġġ tal-UE kien ċar ħafna. L-indipendenza, is-sovranità u l-integrità tal-Belarussja, kif ukoll l-għażla demokratika tal-poplu Belarussu jridu jiġu rispettati. Kull interferenza esterna trid tiġi evitata.
- [1] https://www.consilium.europa.eu/media/49791/2425-05-21-euco-conclusions-en.pdf
- [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/908 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/907 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja.
- [3] https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2021/06/21/belarus-fourth-package-of-eu-sanctions-over-enduring-repression-and-the-forced-landing-of-a-ryanair-flight/
- [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1031 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1030 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja.
- [5] https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/98916/belarus-eu-summons-belarus-ambassador_en
- [6] https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/100402/belarus-joint-statement-canada-european-union-united-kingdom-and-united-states_en