Mistoqsija Parlamentari - E-005164/2021(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-005164/2021(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sinjura Dalli f'isem il-Kummissjoni Ewropea

1. Il-Kummissjoni daħlet fi djalogu mal-Istati Membri kollha, inkluż mar-Rumanija, wara l-ħruġ tas-sentenza Coman[1]. Barra minn hekk, għaddej djalogu separat mar-Rumanija dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ residenza lill-konjuġi ta’ ċittadini Rumeni li jirritornaw, iżda mhux speċifiċi għas-sitwazzjoni ta’ koppji tal-istess sess.

2. L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma fihx dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ sentenzi bbażati fuq il-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari. Madankollu, l-interpretazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiffurmaw parti mid-dritt tal-UE u l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tniedi proċedura ta’ ksur ibbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE jekk tqis li Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa obbligu skont it-Trattati.

Wara s-sentenza Coman, il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija ddeċidiet li, fuq il-bażi ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Rumena li jipprojbixxu ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huma kostituzzjonali biss sa fejn jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza skont il-liġi tal-UE[2]. Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija għalhekk ġibdet il-konsegwenzi tas-sentenza Coman mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3. Is-sistema ġenerali tal-kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, stabbilita mir-Regolament 2020/2092[3], tapplika għal ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru, li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett. Il-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura stabbilita mir-Regolament 2020/2092 jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati.

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 jiġu ssodisfati f’dan il-każ.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Marzu 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza