Tweġiba mogħtija mis-Sinjura Johansson f'isem il-Kummissjoni Ewropea
7.4.2022
Il-Kummissjoni esprimiet kontinwament it-tħassib tagħha dwar allegazzjonijiet ta’ vjolenza, umiljazzjoni u maltrattament ta’ migranti u persuni li jfittxu ażil fil-fruntieri tal-UE.
Monitoraġġ indipendenti u kredibbli huwa essenzjali għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet fundamentali. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni pproponiet obbligu fuq l-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għall-iskrinjar fil-fruntieri esterni[1].
Ir-rapport tal-Kumitat Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa[2] ġie ppubblikat qabel ma daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti Kroat. F’Diċembru 2021, il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ipproduċa rapport (interim) disponibbli għall-pubbliku kull sitt xhur. L-awtoritajiet Kroati infurmaw lill-Parlament u lill-Kummissjoni kif jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inizjali. Il-Kummissjoni tistenna li l-Kroazja ssegwi b’mod xieraq l-allegazzjonijiet.
Fil-Greċja, il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogu mal-Awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza u mal-Ombudsman, li jinvestigaw inċidenti fil-fruntiera, flimkien mal-awtoritajiet ġudizzjarji u dixxiplinarji.
Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-konformità mal-acquis tal-UE. Meta tikkonkludi li Stat Membru jkun kiser b’mod sistematiku d-dritt tal-UE, il-Kummisjoni tista’ tuża s-setgħa tagħha skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) biex tniedi proċedimenti ta’ ksur.
Il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri proviżorji skont l-Artikolu 78(3) TFUE għall-benefiċċju tal-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja[3], biex tappoġġahom fil-ġestjoni tal-emerġenza b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali.
Fir-rigward tal-Libja, l-objettiv tal-appoġġ tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri huwa li l-awtoritajiet Libjani jkunu jistgħu jwettqu t-tfittxija u s-salvataġġ fuq il-baħar, f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE minn dejjem kienet favur it-tmiem tad-detenzjoni arbitrarja u azzjonijiet ta’ appoġġ permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika fil-qasam tal-protezzjoni, ir-reżiljenza u l-istabbilizzazzjoni tal-komunità.