Mistoqsija Parlamentari - O-000014/2024Mistoqsija Parlamentari
O-000014/2024

Il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tinkludi r-reviżjoni tal-proposti pendenti dwar il-benesseri tal-annimali fil-pjan ta’ ħidma tagħha għall-2025

12.11.2024

Mistoqsija għal tweġiba orali  O-000014/2024
lill-Kummissjoni
Artikolu 142 tar-Regoli ta' Proċedura
Niels Fuglsang (S&D), Marina Kaljurand (S&D), Tilly Metz (Verts/ALE), Raquel García Hermida-Van Der Walle (Renew), Dario Tamburrano (The Left), Maria Noichl (S&D), Anja Hazekamp (The Left), Romana Jerković (S&D), Emil Radev (PPE), Manuela Ripa (PPE), Per Clausen (The Left), Günther Sidl (S&D), Thomas Waitz (Verts/ALE), Pär Holmgren (Verts/ALE), Sigrid Friis (Renew), Lynn Boylan (The Left), Stine Bosse (Renew), Annalisa Corrado (S&D), Krzysztof Śmiszek (S&D), Sebastian Everding (The Left), Cristina Guarda (Verts/ALE), Maria Zacharia (NI), Martin Hojsík (Renew), Marianne Vind (S&D), Michal Wiezik (Renew), Petras Auštrevičius (Renew), Valentina Palmisano (The Left), Gaetano Pedulla' (The Left), Jussi Saramo (The Left), Anne-Sophie Frigout (PfE), Marc Angel (S&D), Anders Vistisen (PfE), Robert Biedroń (S&D), Carolina Morace (The Left), Younous Omarjee (The Left), Maria Guzenina (S&D), Assita Kanko (ECR), Gerben-Jan Gerbrandy (Renew)

L-impenn li jiġi rieżaminat u rivedut l-acquis tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali sal-2023 huwa komponent ewlieni tal-istrateġija tal-UE mill-Għalqa sal-Platt, li ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-2020. Din stabbiliet l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni tiġi allinjata mal-evidenza xjentifika l-aktar reċenti, jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġi ffaċilitat l-infurzar tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi żgurat livell ogħla ta’ benesseri tal-annimali.

F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li twieġeb b’mod pożittiv għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) intitolata “End the Cage Age” (Intemmu l-Era tal-Gaġeġ). Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni spjegat pjanijiet għal proposta leġiżlattiva biex il-gaġeġ jiġu pprojbiti għal għadd ta’ annimali tar-razzett bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni.

F’Diċembru 2023, bi tweġiba għall-IĊE intitolata “Fur Free Europe” (Ewropa Mingħajr Fer), il-Kummissjoni qalet li se tivvaluta bir-reqqa l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ projbizzjoni fuq it-trobbija tal-annimali għall-fer u l-kummerċjalizzazzjoni tal-fer fl-UE.

F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat biss proposta dwar il-benesseri u t-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates, flimkien ma’ proposta għal regolament ġdid dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. L-iskeda ta’ żmien għas-sehem tal-proposti li fadal għadha mhix ċara, iżda r-rappreżentanti tal-Kummissjoni ripetutament irreferew għall-eżitu tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE bħala indikatur tal-proċess ta’ segwitu.

F’Marzu 2024, il-Parlament organizza dibattitu fil-plenarja fejn talab skeda ta’ żmien ċara għat-twettiq ta’ dawn il-proposti, iżda l-Kummissjoni ma tatx tweġiba preċiża.

F’Settembru 2024, fir-rapport ta’ kunsens finali tiegħu, id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE ħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali sal-2026, inkluża projbizzjoni fuq il-gaġeġ, abbażi tax-xjenza l-aktar reċenti u l-Mudell tal-Ħames Dominji.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, hi l-Kummissjoni se tinkludi r-reviżjoni tal-atti leġiżlattivi li fadal dwar il-benesseri tal-annimali (li jkopru l-annimali miżmuma, il-qatla, u t-tikkettar) fil-pjan ta’ ħidma tagħha tal-2025, sabiex tiżgura li l-proposti pendenti dwar il-benessri tal-annimali jkunu jistgħu jitwettqu sal-2026?

Imressqa: 12.11.2024

Skadenza: 13.2.2025

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Novembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza