SWIFT
21.12.2006
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0132/06
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Pervenche Berès f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Jean-Marie Cavada f’isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
lill-Kummissjoni
1. Fl-aħħar ta' Ġunju 2006 il-mezzi tax-xandir żvelaw li s-SWIFT kien qed jagħti 'data' personali lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti mill-aħħar ta' l-2001 'l quddiem. Fit-22 ta' Novembru, il-Grupp ta' Ħidma msemmi fl-Artikolu 29 adotta opinjoni li kkondkludiet li d-Direttiva 95/46/KE[1] ta' l-UE dwar il-protezzjoni tad-'data' ma ġietx irrispettata u li talbet li jittieħdu miżuri sabiex jiġi remedjat l-istat illegali kurrenti bla dewmien. Il-Kummissjoni assumiet ukoll din l-interpetazzjoni u saqsiet formalment lill-Istati Membri dwar il-ksur possibbli tad-Direttiva 95/46/KE min-naħa tas-Swift. X'inhu r-riżultat ta' l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri?
2. F'dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni ta' 'data' personali lit-Teżor ta' l-Istati Uniti, il-Grupp ta' Ħidma msemmi fl-Artikolu 29 jikkunsidra li diġà huwa disponibbli qafas internazzjonali eżistenti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li l-possibilità li diġà hija offruta fih għandha tiġi sfruttata filwaqt li jkun żgurat il-livell mitlub ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
Fi ħdan qafas bħal dan, x'azzjonijiet għandha intenzjoni li tieħu l-Kummisjoni f'dan li jirrigwarda l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti sabiex terġa' tikseb l-osservanza tal-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tad-'data' u l-liġi Ewropea l-ġdida f'dan il-qasam (REG (KE) Nru 1781/2006[2] tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi)?
3. L-aċċess għad-'data' mmeniġjata mis-SWIFT jagħmilha possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta' individwi, negozji u pajjiżi kkonċernati li jista' jikkaġuna forom ta' spjunaġġ ekonomiku u tan-negozji. Fid-dawl ta' dan il-potenzjal, x'azzjoni għandha l-intenzjoni li tieħu l-Kummissjoni?
4. Il-Kummissjoni tista' titrażmetti l-kontenut ta' l-MoU (Memorandum of Understanding) bejn l-Iswift u l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti li jistabbilixxi l-proċedura ta' l-aċċess għad-'data' mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti?
5. Il-Kummissjoni taf jekk id-'data' miġbura mis-SWIFT tingħatax lis-Sistema Awtomatika ta' Mmirar ta' l-Istati Uniti?
6. Wara l-fatt tal-iżvelar ta' l-għoti ta' 'data' personali mis-SWIFT lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, taf il-Kummissjoni b'xi talbiet oħra lil kwalunkwe kumpanija privata oħra (bħal kumpaniji ta' karti tal-bank, fornituri tat-telekomunikazzjoni, fornituri tas-sigurtà soċjali) li ntalbet tagħti d-'data' tagħha lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti?
Imressqa: 21.12.2006
Mibgħuta: 25.12.2006
Skadenza: 01.01.2007