Derogi għar-regoli tas-suq intern għall-kuntratti pubbliċi ta' difiża skond l-Artikolu 296 tat-Trattat KE
16.4.2007
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0022/07
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Arlene McCarthy f’isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
lill-Kummissjoni
Minħabba li l-kuntratti pubbliċi ta’ difiża għadhom qed jingħataw fi swieq nazzjonali li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma frammentati, il-Kumitat ta’ l-IMCO jieħu nota tal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 296 tat-Trattat fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ta’ difiża (COM(2006)0779 finali) adottata fis-7 ta' Diċembru 2006. Din il-komunikazzjoni għenet sabiex jiġi ċċarat il-qafas legali eżistenti u speċifikat taħt liema kundizzjonijiet id-derogi għandhom jitħallew japplikaw.
Il-Kumitat ta’ l-IMCO jinnota wkoll l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni ġdida li għandha tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv għall-industrija tad-difiża Ewropea u għall-fornituri tagħha. B'mod partikulari jenfasizza l-irwol importanti li għandhom il-kuntratti pubbliċi tad-difiża għall-ekonomija Ewropea.
Il-Kumitat ta’ l-IMCO jistaqsi lill-Kummissjoni Ewropea dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
- X'progress sar fid-direttiva li tirrigwarda ‘l-kuntratti pubbliċi għal tagħmir ta' difiża li m’humiex suġġetti għad-derogi ta’ l-Artikolu 296 tat-Tratt KE' li qed tiġi abbozzata? X'passi sussegwenti qed tippjana l-Kummissjoni?
- Mill-perspettiva ta' operat ġust u effiċjenti tas-Suq Intern, il-Kummissjoni b'liema mod qiegħda tevalwa s-sitwazzjoni fi ħdan l-industrija tad-difiża Ewropea, fejn - fi Stati Membri differenti - numru sinjifikanti ta' impjiegi speċjalizzati ħafna jidhru li huma f'riskju? X'impatt tistenna li se jkollha din id-Direttiva fuq is-settur?
- X'inhi l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tħajjar lill-Istati Membri jikkoperaw aktar mill-qrib fi kwistjonijiet ta' kuntratti pubbliċi ta’ difiża u biex itejbu t-trasparenza u gradwalment jiftħu s-swieq nazzjonali tagħhom ta' kuntratti pubbliċi ta’ difiża, sabiex tistabbilixxi għal dan is-settur sensittiv ambjent li jaħdem u li jkun kompetittiv?
X'konklużjonijiet jistgħu joħorġu mill-Kodiċi ta' Kondotta li kien stabbilit fl-2006? Il-Kummissjoni kif tara r-relazzjoni futura bejn direttiva u l-Kodiċi ta' Kondotta?
Imressqa: 16.04.2007
Mibgħuta: 18.04.2007
Skadenza: 25.04.2007