Sa mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Oslo fit-23 ta’ Frar 2007 li talbet għal trattat internazzjonali ta’ projbizzjoni dinjija ta’ munizzjon cluster u l-konferenza ta’ segwitu f’Lima dwar il-munizzjon cluster li saret bejn l-24 u l-25 ta’ Mejju 2007, madwar 80 stat iddeċidew li jappoġġjaw il-proċess li jwassal għal dan it-tip ta’ trattat, inklużi kważi l-Istati Membri kollha ta’ l-UE. Il-Belġju ser jospita laqgħa reġjonali ta’ livell għoli dwar din il-kwistjoni fl-aħħar ta’ Ottubru 2007. F’Diċembru se ssir it-tielet konferenza dinjija fi Vjenna, b’segwitu tal-laqgħat ta’ Oslo u Lima.
X’inizjattivi ħadet il-Kummissjoni bħala segwitu għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament b’appoġġ għall-proċess ta’ Oslo, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni dwar il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Bijoloġiċi u dawk li fihom it-Tossina (BTWC), il-bombi cluster u l-armi konvenzjonali tas-16 ta’ Novembru 2006, li talbet lill-UE sabiex tappoġġja l-inizjattiva "sabiex tistabbilixxi konvenzjoni komprensiva u effettiva sabiex tipprojbixxi l-munizzjon cluster b’mod dinji"?
Il-Kummissjoni bi ħsiebha tipparteċipa fil-laqgħat ta’ Brussell u Vjenna jew b’xi mod ieħor tagħti kontribut lin-negozjati, u b’liema mod?
Liema inizjattivi ħadet il-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jadottaw miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-bombi cluster, u fil-livell internazzjonali sabiex tinkoraġġixxi lill-istati kollha li għadhom m’għamlux dan sabiex jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Oslo? X’inizjattivi qed tieħu l-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ l-impenni eżistenti fi ħdan il-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) u b’mod speċifiku il-Protokoll V dwar Fdalijiet Splussivi tal-Gwerra (ERW)?
Liema programmi u proġetti tappoġġja jew biħsiebha tappoġġja il-Kummissjoni f’pajjiżi terzi rigward l-assistenza ta’ komunitajiet u individwi effettwati minn munizzjon cluster li jkun għadu ma splodiex, it-tindif ta’ nħawi kontaminati, l-edukazzjoni dwar ir-riskji u l-qirda tal-ħażniet ta’ munizzjon cluster projbit?
Il-Kummissjoni ser tikkunsidra tagħmilx konferenza internazzjonali dwar l-irwol ta' l-UE fil-konfront tal-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi, umanitarji u ta' żvilupp fiż-żminijiet ta' wara l-kunflitt ta' fdalijiet splussivi tal-gwerra fil-kuntest ta' inizjattivi internazzjonali riċenti?