Qafas ta' Referenza Komuni dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti
21.11.2007
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0073/07
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Giuseppe Gargani f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
lill-Kummissjoni
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti u r-reviżjoni ta' l-acquis: prospettivi għall-futur (P6_TA(2006)0109), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti (P6_TA(2006)0352) u ta' l-4 ta' Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet istituzzjonali u legali ta' l-użu ta' strumenti ta' "soft law" (2007/2028(INI) P6_TA(2007)0366),
wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2007: It-Tieni Rapport dwar il-Progress tal-Qafas ta' Referenza Komuni (COM(2007)0447),
billi s-CFR, li l-Kummissjoni tixtieq li jintuża bħala "għodda/manwal" għal-leġiżlaturi ta' l-UE meta jirrevedu leġiżlazzjoni eżistenti u meta jfasslu leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tal-liġi dwar il-kuntratti, bħalissa m'għandux ikollu effett legali li jorbot u għaldaqstant jibqa' fin-natura tas-"soft law",
billi, madankollu, is-CFR se jkollu effetti legali u prattiċi indiretti u x'aktarx ikollu influwenza kbira fuq miżuri leġiżlattivi futuri fil-qasam tal-liġi dwar il-kuntratti,
billi d-deċiżjoni dwar liema partijiet mill-abbozz akkademiku tas-CFR se jkunu inkorporati fis-CFR finali, u d-deċiżjoni dwar il-qasam ta' applikazzjoni tas-CFR, huma fil-biċċa l-kbira ta' natura politika,
billi huwa essenzjali li jkun żgurat li dawk il-partijiet ta' l-abbozz akkademiku tas-CFR li jintgħażlu għas-CFR ikunu koerenti ma' xulxin, mas-segwitu għall-Green Paper tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007, u ma' leġiżlazzjoni Komunitarja oħra marbuta mal-liġi dwar il-kuntratti,
- Il-Kummissjoni kif bi ħsiebha tipproċedi wara li tipprovdi s-CFR akkademiku?
- B'mod partikulari, il-Kummissjoni kif bi ħsiebha tipproċedi biex tagħżel dawk il-partijiet tas-CFR akkademiku li jridu jkunu inkorporati fis-CFR finali tal-Kummissjoni? Il-Kummissjoni kif se tinvolvi lill-Parlament f'dan il-proċess?
- Il-Kummissjoni kif bi ħsiebha tipproċedi fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-qasam ta' applikazzjoni tas-CFR, u kif bi ħsiebha tqis il-pożizzjoni tal-Parlament, li diġà ngħatat f'diversi riżoluzzjonijiet?
- Il-Kummissjoni kif bi ħsiebha ssegwi x-xogħol tar-riċerkaturi, kif ukoll l-eżitu tal-workshops ġodda tas-CFR li huma ppjanati u li se jkunu organizzati mid-DĠ JLS u mid-DĠ MARKT?
- Il-Kummissjoni x'qed tippjana għall-koordinazzjoni tax-xogħol fuq is-CFR fid-diversi Direttorati Ġenerali involuti?
Imressqa: 21.11.2007
Mibgħuta: 23.11.2007
Skadenza: 30.11.2007