Mistoqsija Parlamentari - O-0002/2008Mistoqsija Parlamentari
O-0002/2008

Strateġija Ewropea għar-Roma

MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0002/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Viktória Mohácsi f’isem il-Grupp ALDE
lill-Kummissjoni

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0002/2008
Testi mressqa :
O-0002/2008 (B6-0003/2008)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

F'April 2005, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-qagħda tar-Roma (P6_TA(2005)0151), li fiha stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji komunikazzjoni dwar kif l-UE tista' tikkordina u tippromwovi l-isforzi bl-aħjar mod possibbli biex ittejjeb il-qagħda tar-Roma u biex tadotta pjan ta' azzjoni b'rakkomandazzjonijiet ċari lill-Istati Membri. Ir-riżoluzzjoni ssuġġeriet ukoll biex jitqies li r-Roma jiġu rikonoxxuti bħala minorità tranżnazzjonali Ewropea. F’Novembru 2007, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-libertà tal-moviment (P6_TA(2007)0534) u talab lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni mingħajr dewmien billi twettaq strateġija ġenerali għall-inklużjoni soċjali tar-Roma u, mhux l-anqas, sabiex tagħmel użu mill-Fond għall-Integrazzjoni u mill-Fondi Struttrali sabiex tappoġġja awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex ir-Roma jiġu soċjalment inklużi.

 

Ittieħdu għadd ta' inizjattivi rigward il-kwistjonijiet tar-Roma, iżda l-Kummissjoni Ewropea s'issa għadha ma ressqet ebda pjan ta' azzjoni komprensiv. Il-Kummissjoni Ewropea fi ħsiebha tħejji abbozz ta' Komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet tar-Roma fis-sena li ġejja, fid-dawl tat-talba, msemmija hawn fuq, tal-Parlament Ewropew? Il-Kummissjoni fi ħsiebha tippreżenta abbozz ta’ direttiva orizzontali sabiex tiġġieled il-forom kollha ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE?

 

X'inhuma l-ammonti ta' fondi Ewropej disponibbli għall-Istati Membri li jimmiraw lejn l-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma? Il-Kummissjoni wettqet xi evalwazzjoni dwar l-impatt reali ta' l-iffinanzjar Ewropew għall-inklużjoni tar-Roma?

 

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tqis il-possibilità li tadatta l-istrutturi istituzzjonali tagħha sabiex tittratta l-kwistjonijiet tar-Roma b'mod aktar effettiv? Il-Kummissjoni Ewropea lesta li tħejji Unità għar-Roma jew tistabbilixxi Grupp ta' Inter Servizzi għar-Roma? Jekk le, il-Kummissjoni Ewropea kif se tiżgura l-kordinament effettiv ta' l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tar-Roma ma' inizjattivi politiċi oħra?

 

Il-Kummissjoni Ewropea lesta tinforza miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-integrazzjoni soċjali tal-poplu tar-Roma, kif rakkomandat mid-Direttiva ta’ l-UE 2000/43/KE[1]?

 

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tqis il-possibilità li tkun aktar involuta fl-inizjattiva "Id-Deċennju ta’ l-Inklużjoni tar-Roma", possibilment permezz tal-ħatra ta' Kordinatur tal-KE għall-kwistjonijiet tar-Roma?

 

 

Imressqa: 09.01.2008

Mibgħuta: 11.01.2008

Skadenza: 18.01.2008