Segwitu tar-reviżjoni tal-proċess Lamfalussy
14.2.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0015/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Pervenche Berès f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
lill-Kunsill
Il-Reviżjoni tal-proċess Lamfalussy mill-Kummissjoni Ewropea - It-tisħiħ tal-konverġenza tas-sorveljanza (COM(2007)0727) - jistipula serje ta' azzjonijiet bl-għan li jsaħħu l-proċess Lamfalussy u jtejbu l-konverġenza u l-kooperazzjoni fis-sorveljanza. Ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Sorveljanza Interistituzzjonali dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-proċess Lamfalussy għamel rakkomandazzjonijiet simili. Il-Kunsill ECOFIN iltaqa' fl-4 ta' Diċembru 2007 u rreveda l-l-proċess Lamfalussy. Kemm il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN jenfasizzaw l-importanza tal-kumitati tat-tielet livell tal-Lamfalussy u li dawn għandu jkollhom riżorsi adegwati biex iwettqu l-ħidma tagħhom f'termini ta' konverġenza u kooperazzjoni fis-sorveljanza. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN jenfasizzaw ukoll il-bżonn ta' superviżjoni effiċjenti u effettiva ta' gruppi transkonfinali u jfasslu pjan direzzjonali ta' ħidma maħsub biex itejjeb is-sitwazzjoni attwali. Barra minn hekk, konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill ECOFIN, tad-9 ta' Ottubru 2007, dwar arranġamenti ta' l-UE għall-istabilità finanzjarja jindikaw b'mod ċar li koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza rilevanti u l-istituzzjonijiet involuti hija meħtieġa. Għal dan il-għan, il-Kunsill ECOFIN adotta pjan direzzjonali strateġiku bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-grupp ta' ħidma ad hoc dwar l-istabilità finanzjarja ta' l-EFC.
Il-Parlament Ewropew, li ilu jappella għal aktar konverġenza ta' prattiki ta' sorveljanza nazzjonali u t-titjib ta' l-arranġamenti eżistenti rigward l-immaniġġjar ta' kriżijiet fl-UE, għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon dawn iż-żewġ Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN, u huwa wkoll tal-fehma li hija meħtieġa konsistenza bejn l-evoluzzjoni ta' arranġamenti ta' sorveljanza attwali, kemm fil-livell nazzjonali u wkoll dak transkonfinali, u ta' arranġamenti ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet/stabilità finanzjarja. Wara li kkunsidrat iż-żewġ Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN, u l-kriżi finanzjarja li qed tiżviluppa, li l-ħeffa tagħha ħasdet ħafna parteċipanti u kontrolluri tas-suq, wara li kkunsidrat it-theddidiet li l-kriżi għadha tirrappreżenta għas-swieq finanzjarji ta' l-UE u r-riperkussjonijiet tagħha fuq l-ekonomija ta' l-UE, liema huma l-passi li l-Presidenza tqis li għandhom jittieħdu f'dan il-qasam sabiex ikunu iffaċjati aħjar l-isfidi tas-swieq integrati f'livell globali u biex tippreserva s-saħħa u l-istabilità tas-swieq finanzjarji ta' l-UE? U kif se jkunu involuti l-PE u l-Kummissjoni? Il-Kunsill qiegħed jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex ikunu diskussi bħala passi ulterjuri mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill?
Tressiq: 14.02.2008
Mibgħuta: 15.02.2008
Skadenza: 07.03.2008