Mistoqsija Parlamentari - O-0025/2008Mistoqsija Parlamentari
O-0025/2008

Proposta ta' smigħ mill-Kummissjoni dwar "delitti ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanita u delitti tal-gwerra minn reġimi totalitarji"

6.3.2008

MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0025/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Martin Schulz, Hannes Swoboda, Jan Marinus Wiersma, Helmut Kuhne, Miguel Angel Martínez Martínez, Justas Vincas Paleckis, Józef Pinior u Libor Rouček f’isem il-Grupp PSE
lill-Kummissjoni

Fid-19 ta' April 2007, il-Ministri tal-Ġustizzja ta' l-UE laħqu ftehim dwar Deċiżjoni ta' Qafas kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija (11522/07 DROIPEN 68) li tittratta delitti bħalma huma l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza, l-iskużar, iċ-ċaħda jew l-ittrivjalizzar vili tad-delitti ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanita u d-delitta ta' gwerra kif definiti fl-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u t-Tribunal ta' Nuremberg. Delitti li saru minħabba raġunijiet oħra eż. minn reġimi totalitarji, mhumiex koperti b'mod espliċitu. Wara l-ewwel smigħ fl-2007 dwar dan l-aħħar aspett, il-Kummissjoni issa qed tkompli l-attivitajiet f'dan il-qasam.

 

Din l-inizjattiva tikkoinċidi ma' tendenzi mmirati lejn evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-istorja Ewropea minn interpretazzjoni voluntaristika parzjalment politika minflok fuq il-bażi ta' riċerka xjentifika. Barra minn hekk, mhijiex ibbażata fuq evalwazzjoni oġġettiva tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha responsabbli għal delitti kontra l-umanita, u delitti ta' ġenoċidju u ta' gwerra fis-seklu għoxrin.

 

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, kif ukoll issa li resqin lejn il-konferenza ta' esperti skedata għat-8 ta' April u l-40 anniversarju tar-Rebbiegħa ta' Praga:

 

  Liema attivita oħra sejra tippjana l-Kummissjoni sabiex tħaddan approċċ xjentifiku għas-sistematika tar-reġimi totalitarji u awtoritarji Ewropej?

 

  Kif għandha l-ħsieb li ssaħħaħ id-dibattitu dwar id-delitti li saru mir-reġimi totalitaji u awtoritarji fl-istorja ta' l-Ewropa tas-seklu 20, inklużi r-reġimi Nazzisti u Stalinisti kif ukoll ir-reġimi ultra-nazzjonalisti, awtoritarji u anti-demokratiċi ta' qabel u wara l-gwerra li kienu responsabbli (għalkemm fuq skala differenti) għal soppressjoni, qtil u delitti kontra l-umanita?

 

  Il-Kummissjoni kif se tiżgura li d-dibattitu se jiffoka fuq kriterji xjentifiċi u ma jsirx vittma ta' l-esplojtazzjoni politika fil-kuntest ta' nazzjonaliżmu u popoliżmu li dejjem qed jikbru?

 

 

Tressiq: 06.03.2008

Mibgħuta: 10.03.2008

Skadenza: 17.03.2008