Rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi għat-trasport kummerċjali bl-ajruplan (EU OPS)/l-użu ta' sistemi ta' sikurezza għat-tfal (OPS 1.730)
26.6.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0075/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Eva Lichtenberger f’isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
lill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni, fid-29 ta' April, għaddiet lill-Parlament l-abbozz ta' miżuri li ġejjin li kienu deċiżi fil-komitoloġija skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju: Abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru ... li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/1991[1] rigward ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi komuni li japplikaw għat-trasport kummerċjali bl-ajruplan (EU OPS).
L-EU OPS 1.730 tippermetti, skond il-punt (3), sistema ta' sikurezza għat-tfal li tkun aċċettata biss mill-awtorità tal-pajjiż tal-kumpanija tat-trasport, mingħajr aktar dettalji. Is-sikurezza tat-tfal ta' inqas minn sentejn hija limitata mill-fatt li m'humiex intitolati għal sit għal rashom. Hemm żewġ metodi li huma prattika normali:
– il-Loop Belts, li jkunu marbuta ma' l-adult li jkun qiegħed jakkumpanjahom: l-istħarriġ xjentifiku u t-testijiet għall-inċidenti li saru fil-Kanada, fl-Awstralja, fl-Istati Uniti u fil-Ġermanja juru li l-loop belts jistgħu joqtlu jew iweġġgħu serjament lit-tfal. Ir-regolament attwali jista' jwassal biex il-linji ta' l-ajru jużaw il-loop belts fuq skala kbira.
– il-Lapholding, kif inhu rrakkomandat fil-Ġermanja: li tipproteġi t-tfal billi tħaddanhom miegħek waqt inċident ta' l-ajru huwa fiżikament impossibbli.
Madankollu, bosta mwiet ta' trabi ma jidhrux fl-istatistika, minħabba li għar-rekords il-vittmi ta' l-inċidenti ta' l-ajru jingħaddu biss skond is-sits ta' l-ajruplan.
- Kemm hija familjari l-Kummissjoni ma' l-istħarriġ xjentifiku u mat-testijiet għall-inċidenti dwar il-loop belts, li juru l-effetti ħżiena, u kemm hija mgħarrfa bl-inċidenti f'dan il-qasam?
- Għaliex l-EU OPS ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar sistemi ċċertifikati ta' sikurezza għat-tfal u liema passi huma previsti li jittieħdu biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-trabi u tat-tfal żgħar fuq l-ajruplani?
- Kif jikkorrispondi r-regolamenti attwali EU-OPS (Loop Belt) mal-prinċipju tal-protezzjoni ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni għall-passiġġieri kollha, fosthom it-trabi u t-tfal?
- Jista' jkun li s-soluzzjoni xierqa tkun li jkun hemm dispożizzjoni obbligatorja għas- sistemi ta' sikurezza għat-tfal, li tkun tinkludi ċertifikazzjoni xierqa, kif hemm fil-każ tal-karozzi?
Imressqa: 26.06.2008
Mibgħuta: 30.06.2008
Skadenza: 07.07.2008
- [1] ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4.