Nikkontrollaw il-prezzijiet tal-enerġija
15.9.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0090/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Giles Chichester f’isem il-Grupp PPE-DE, Anne Laperrouze u Sophia in 't Veld f’isem il-Grupp ALDE, Eugenijus Maldeikis f’isem il-Grupp UEN
lill-Kummissjoni
Fil-ftit xhur li għaddew, il-prezz taż-żejt mhux raffinat inbidel kemm-il darba, u dan wassal għal żidiet drammatiċi. Biż-żieda fid-domanda dinjija, b’dipendenza akbar tal-UE u bin-nuqqas ta’ diversifikazzjoni tal-forniment, l-ekonomija tal-UE b’mod partikulari hija esposta għall-impatt tal-bidliet tal-prezzijiet.
Jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika x’qed isir min-naħa tal-UE biex jittaffa fil-futur qarib u fil-futur imbiegħed l-impatt fuq is-soċjetà ta’ prezzijiet ogħla taż-żejt, kemm fir-rigward tad-dħul tal-familji kif ukoll fir-rigward tad-dħul tan-negozji.
1. Aspetti ta’ riforma strutturali: X’miżuri huma previsti sabiex titkisser ir-rabta bejn il-prezzijiet tal-fjuwils fossili u l-prezzijiet ogħla tal-enerġija, li qed iġġiegħel lill-kumpaniji jgħollu l-prezzijiet tagħhom fl-UE?
2. Aspetti ta’ pprezzar: Is-swieq taż-żejt kif jistgħu jsiru aktar trasparenti b’informazzjoni affidabbli? Il-Kummissjoni sodisfatta bil-livell ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ewlenin taż-żejt? Il-Kummissjoni stabbiliet rabta ċara bejn ir-rata tal-kambju tad-dollaru Amerikan u l-evoluzzjoni tal-prezz taż-żejt? Id-deprezzament riċenti tad-dollaru Amerikan qed jikkontribwixxi għall-pressjoni fuq il-prezzijiet taż-żejt jew qed ikollu l-konsegwenza diretta li jittaffa fl-UE l-impatt taż-żieda tal-prezzijiet taż-żejt?
3. Kompetittività: Il-Kummissjoni kif qed taħseb biex ittejjeb l-irwol tal-EIB fil-finanzjament ta’ proġetti rigward l-effiċjenza tal-enerġija, b’enfasi speċjali fuq l-SMEs?
4. Tassazzjoni: Il-Kummissjoni kif tevalwa l-impatt tas-sistema attwali ta' tassazzjoni taż-żejt fuq l-għanijiet li jitnaqqsu l-prezzijiet taż-żejt u fuq l-isforzi għal bidla lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju?
5. L-Aqwa Prattiki: Il-Kummissjoni qed taħseb biex tħejji analiżi bbażata fuq l-aqwa prattiki tal-politiki tal-Istati Membri, dwar miżuri kontra ż-żieda tal-prezzijiet taż-żejt?
6. Trasparenza tas-swieq taż-żejt: Il-Kummissjoni għamlet analiżi bir-reqqa ta’ kif il-kumpaniji taż-żejt żiedu u naqqsu l-prezzijiet tal-fjuwil għall-konsumaturi skont il-kriżi riċenti tal-prezzijiet taż-żejt? Il-Kummissjoni meta biħsiebha tippreżenta proposti konkreti dwar il-mekkaniżmu ta’ “rappurtaġġ kull ġimgħa” dwar l-istokks taż-żejt kummerċjali?
Imressqa: 15.09.2008
Mibgħuta: 17.09.2008
Skadenza: 24.09.2008