Demokrazija, Drittijiet tal-Bniedem u ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam
23.9.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0095/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Marco Cappato u Marco Pannella f’isem il-Grupp ALDE
lill-Kunsill
– billi, f’Novembru tal-2007, waqt żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Barroso, bdew in-negozjati għal ftehima ġdida ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u li l-ewwel negozjati saru f'Lulju 2008;
– billi se jsiru negozjati ġodda f’Ħanoj fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru 2008;
– billi l-ftehima proprja ta’ koperazzjoni tinkludi l-klawsola tad-Drittijiet tal-Bniedem, fuq bażi tal-fatt li fl-Artikolu 1 hemm miktub li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-Partijiet u jikkostitwixxi l-element essenzjali tal-Ftehima;
– billi r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam hija Stat b’partit wieħed, taħt il-kontroll tal-Partit Komunista Vjetnamiż, li jeżerċita kontroll sħiħ anke fuq it-trejdunjins, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-midja;
– billi vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili ġew dokumentati fil-Vjetnam, b’mod partikolari kontra minoritajiet etniċi bħall-Montagnards (Degar) u organizzazzjoniet reliġjużi mhux rikonoxxuti bħall-Knisja Unifikata Buddista, u li, skont NGOs influwenti, fl-aħħar 18-il xahar, mill-inqas 26 dissident politiku ngħataw sentenza ta’ ħabs;
– billi l-Vjetnam huwa pajjiż li għad għandu l-piena tal-mewt; billi f’dawn l-aħħar snin l-użu tal-piena tal-mewt żdiedet u li fl-2008 mill-inqas 83 persuna ngħataw sentenza ta’ mewt, inklużi 14-il mara;
X’inizjattiva, jekk hemm, qiegħed jieħu l-Kunsill sabiex jiżgura li n-negozjati għall-ftehima ġdida ta’ sħubija u koperazzjoni twassal għal passi konkreti ‘l quddiem fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiliment tad-demokrazija fil-Vjetnam?
Liema titjib tanġibbli l-Kunsill qiegħed iqis bħala neċessarju sabiex jilħaq ftehima li tista' tkun sodisfaċenti anke fl-ambitu tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem?
Tressiq: 23.09.2008
Mibgħuta: 24.09.2008
Skadenza: 15.10.2008