Il-PNR tal-UE
8.10.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0100/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Sophia in 't Veld, Martine Roure, Philip Bradbourn u Sylvia-Yvonne Kaufmann f’isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
lill-Kummissjoni
Id-dejta tal-PNR hija dejta li oriġinarjament inġabret għal għanijiet kummerċjali, waqt li bħalissa qed isservi għal numru li qed jiżdied ta' għanijiet ta' siġurtà (bħal ma hija s-sigurtà fl-avjazzjoni, il-kontroll tal-immigrazzjoni, il-frodi fiskali, il-ħasil ta' flus, il-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reati u l-prevenzjoni ta' mard li jittieħed, eċċ.) kif introdotta sa minn Settembru 2001 mill-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u aktar riċenti mir-Renju Unit, Franza u d-Danimarka. Għalhekk dawn l-għanijiet u l-kundizzjonijiet relatati ma' kif tiġi ttrattata d-dejta huma differenti minn pajjiż għal ieħor u qed jevolvu kostantement. Meta wieħed iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippreservaw it-tradizzjoni tagħhom ta' pajjiżi miftuħa u li jiżguraw il-moviment transnazzjonali ħieles tal-persuni kif stabbilit bl-Artikolu 12.2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, tista' l-Kummissjoni:
1. Rigward l-effikaċja: tipprovdi evidenza ( u r-rata tal-iżbalji) tal-ġbir tal-massa u l-użu tad-dejta tal-PNR tal-passiġġieri kollha (b'mod partikolari metodi ta' analiżi awtomatizzati bħal ma huma l-ipprofilar u l-estrazzjoni tad-dejta, u t-tqabbil tad-dejta tal-PNR mal-indikaturi tar-riskju) fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, meta wieħed iqis li sal-lum l-ebda skema eżistenti ma kienet evalwata b'mod adegwat?
2. Rigward il-limitazzjoni tal-għan: tiddikjara f'termini ċari u preċiżi (Artikolu 8 tal-ECHR) għal liema raġunijiet id-dejta tal-PNR għandha tinġabar fil-livell tal-UE; barra minn hekk tipprovdi evidenza dwar jekk id-dejta tal-PNR hix adattata għal għanijiet oħra barra dawk li tegħleb it-terroriżmu, bħal ma huma t-traffikar tad-droga, l-immigrazzjoni jew kwistjonijiet dwar is-saħħa pubblika?
3. Rigward is-sussidjarjetà: turi l-bżonn għall-inizjattiva tal-UE, u għaliex il-ġbir u l-użu tad-dejta tal-PNR ma jistax jirnexxi fl-Istati Membri? Jekk ikun hemm bżonn evidenti ta' azzjoni mill-UE, għaliex il-Kummissjoni għażlet li sempliċiment toħloq l-obbligazzjoni għall-Istati Membri li jiġbru u jużaw id-dejta tal-PNR, minflok ma jistabbilixxu skema reali tal-UE? Il-Kummissjoni taqbel li taħlita ta' 27 reġim nazzjonali m'għandiex valur miżjud Ewropew u toħloq inċertezza legali għaċ-ċittadini u għat-trasportaturi?
4. Rigward is-sinerġija u l-istruttura globali: tispjega kif il-ġbir u l-użu tad-dejta tal-PNR fil-livell tal-UE jiffittja fi strateġija koerenti u jirrelata ma' miżuri oħra (previsti) ta' sigurtà tal-fruntieri tal-UE bħal ma huma l-API, id-Dħul-Ħruġ, l-ESTA, il-bijometriċi fil-passaporti u l-viża, is-SIS, il-VIS, u skemi ta' protezzjoni tal-fruntieri nazzjonali bħala ma hija l-e-fruntieri/Semaphore tar-Renju Unit?
5. Rigward iċ-ċertezza legali: tispjega kif id-dejta tal-PNR tintuża għal għanijiet barra dawk ta' politika kriminali (bħal ma huma s-sigurtà tal-avjazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri, il-koperazzjoni ta' Schengen, il-migrazzjoni illegali u l-protezzjoni tas-saħħa) bla bażi legali tal-komunità (ara l-Artikolu 47 tat-TUE, u l-opinjoni tas-Servizz legali tal-Kunsill)?
6. Dwar il-kontroll demokratiku: tispjega kif jista' jiġi żgurat l-iskrutinju sħiħ parlamentari fil-livell Ewropew u nazzjonali u tispjega wkoll kif l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq is-sistema.
Imressqa: 08.10.2008
Mibgħuta: 10.10.2008
Skadenza: 17.10.2008