Regolament għat-Trasport tal-Annimali (KE) N° 1/2005: Rapporti annwali mill-Istati Membri dwar l-infurzar
3.12.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0134/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Neil Parish f’isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
lill-Kummissjoni
L-Artikolu 27 tar-Regolament tat-Trasport tal-Annimali (KE) N° 1/2005[1] jitlob lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri biex jassiguraw li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni u biex jagħmlu spezzjonijiiet bla diskriminazzjoni fuq l-annimali, fuq il-mezzi tat-trasport u fuq id-dokumenti li jkunu qed jakkumpanjawhom. L-ispezzjonijiet għandhom isiru fuq proporzjon xieraq ta' annimali ttrasportati kull sena f’kull Stat Membru.
L-Istati Membri huma mitluba wkoll iressqu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju kull sena, rapport annwali dwar l-istat tal-infurzar li għandu jkun akkumpanjat b'analiżi tan-nuqqasijiet ewlenin innotati u bi pjan ta' azzjoni li jindirizzahom.
Ir-regolament tat-Trasport tal-Annimali ilu fis-seħħ minn Jannar 2007. Għalhekk il-Kummissjoni suppost diġà rċeviet l-ewwel rapporti annwali mill-Istati Membri dwar l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
Tista’ l-Kummissjoni tgħid liema kienu l-Istati Membri li bagħtu r-rapport tagħhom?
Il-Kummissjoni diġà għamlet analiżi preliminarja tar-rapporti li tippermetti li jinħarġu xi stqarrijiet dwar in-nuqqasijiet u d-diffikultajiet u fuq il-kisbiet ewlenin fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni?
B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ser tħejji rapport dwar il-proċess ta' infurzar tar-Regolament fl-Istati Membri? Analiżi bħal din għandha tkun essenzjali fil-kuntest tar-reviżjoni ppjanata tar-Regolament tat-Trasport tal-Annimali.
Imressqa: 03.12.2008
Mibgħuta: 05.12.2008
Skadenza: 12.12.2008
- [1] ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.