Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra
27.2.2009
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0047/09
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Helmuth Markov u Erika Mann f’isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
lill-Kunsill
1. Jista' l-Kunsill jaġġorna lill-Parlament Ewropew dwar id-dati meta mistennija tintlaħaq il-konklużjoni ta' EPA "sħiħa" mar-reġjun tal-Punent tal-Afrika?
2. Il-Kunsill jistenna li l-iffirmar ta' ftehima komprensiva jkun jista' jkompli jippromwovi it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp u l-governanza tajba fil-Kosta tal-Avorju u fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent b'mod ġenerali?
3. Qed jitqiesu xi interessi speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' dan ir-reġjun fin-negozjati, u kif tkun differenti din l-EPA "sħiħa" mill-ftehima Cariforum?
4. Jista' l-Kunsill jimpenja ruħu li jipprovdi għajnuna amministrattiva u teknika xierqa lill-Kosta tal-Avorju, inkluż is-settur privat tiegħu, sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni tal-ekonomija tiegħu wara l-iffirmar tal-Ftehima tas-Sħubija Ekonomika interim?
5. Il-Kunsill se jinkludi lill-Kosta tal-Avorju f'EPA "sħiħa" bil-kundizzjoni li jkun hemm gvern responsabbli u elett b'mod demokratiku fil-poter f'dan il-pajjiż?
6. Jista' l-Kunsill jispjega kif jevalwa l-aspetti li ġejjin rigward l-EPA bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju:
i) Hemm bżonn u/jew qegħdin jiġu żgurati regoli aktar qawwija għall-ħarsien tal-industriji li għadhom fil-bidu tagħhom?
ii) Id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR) se jkunu negozjati b'tali mod li mhux biss l-IPR Ewropea/internazzjonali jiġu protetti, iżda wkoll l-għarfien tradizzjonali?
iii) Hemm bżonn li r-regoli tal-akkwist pubbliku jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Kosta tal-Avorju?
iv) Sa fejn waslu l-kundizzjonijiet tal-"viżi tax-xogħol" għaċ-ċittadini ta' Côte d'Ivoire? Se jkopru perjodu ta' 24 xahar? X'tip ta' professjonijiet se jiġu inklużi?
7. Il-Kunsill jista' jappoġġja talba biex jiġi kkonsultat il-Parlament qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehimiet internazzjonali bħal fil-każ tal-EPAs - fejn tinħtieġ proċedura tal-kunsens biex jinbena ftehim politiku għall-proċedura tal-kunsens?
8. Jista' l-Kunsill jispjega kif se jevalwa s-sitwazzjoni politika tal-Kosta tal-Avorju rigward EPA interim jew finali? Is-sitwazzjoni politika fil-Kosta tal-Avorju ma tistax tkun ikkaratterizzata mill-istandards demokratiċi. Fil-każ possibbli li ma sseħħx elezzjoni sakemm tiġi ratifikata l-EPA interim jew finali, kif se jevalwa s-sitwazzjoni l-Kunsill? Kif se tolqot din l-evalwazzjoni lill-15-il pajjiż l-ieħor tal-Afrika tal-Punent milli jibbenefikaw mill-Ftehima importanti ta' kummerċ u żvilupp bireġjonali?
9. Jista' l-Kunsill jiċċara l-perjodu ta' żmien tal-assistenza għall-iżvilupp relatata mal-EPA tal-Kosta tal-Avorju?
Imressqa: 27.02.2009
Mibgħuta: 02.03.2009
Skadenza: 23.03.2009