Il-kummerċ fil-bnedmin
3.12.2009
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0148/09
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Anna Hedh f’isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, Edit Bauer f’isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
lill-Kunsill
Il-kummerċ fil-bnedmin huwa forma moderna ta' skjavitù u jħalli profitti kbar għall-kriminalità organizzata. Il-valutazzjoni tal-Europol għall-2009 hi li t-kummerċ tan-nisa għall-isfruttament sesswali ma naqasx u t-kummerċ għal-lavuri furzati qed jiżdied. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, se titressaq proposta ġdida ħalli tieħu post il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-kummerċ fil-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi.
1. Il-Kunsill jaqbel li l-approċċ tal-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam għandu jkun iċċentrat fuq il-jeddijiet tal-bniedem, ħolistiku u li jqis ir-relazzjonijiet esterni, il-politiki ta’ ritorn u reintegrazzjoni, affarijiet soċjali, inklużjoni soċjali, migrazzjoni u ażil u li l-elementi fundamentali li ġejjin għandhom jittieħdu bħala bażi?
a. il-livell ta' penali u sanzjonijiet għal dawk li jagħmlu profitt mill-kummerċ fil-bnedmin, inklużi persuni ġuridiċi, għandu jirrifletti s-serjetà tar-reat u jkollu effett disważiv;
b. kull azzjoni ulterjuri għandha tiffoka fuq il-protezzjoni tal-vittmi, billi tqis kif jixraq il-qagħda tal-minorenni, billi, fost l-oħrajn, tiġi żgurata assistenza inkondizzjonata għall-vittmi u li l-kunsens tal-vittma għall-isfruttament jitqies dejjem irrelevanti;
c. biex tiġi skoraġġita d-domanda, kull azzjoni ulterjuri għandha tiffoka wkoll fuq l-utenti tas-servizzi tal-bnedmin ikkummerċjati;
d. kull provvediment dwar ġurisdizzjoni għandu jkun ikkoordinat bl-abbozz tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti dwar l-eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali;
2. Il-Kunsill qiegħed jimmira biex itejjeb il-koordinament tal-informazzjoni billi jitlob lill-Eurojust, l-Europol u l-Frontex, b'konsultazzjoni mal-FRA, l-Istitut għas-Sessi u l-NGOs, jippubblikaw kull sena rapport konġunt dwar il-kummerċ fil-bnedmin u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' mudell komuni għall-Istati Membri u għal pajjiżi terzi għall-ġbir ta' data marbuta mal-kummerċ fil-bnedmin?
3. X’azzjoni konkreta qiegħed jipprevedi l-Kunsill ħalli jsaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-kummerċ fil-bnedmin?
Imressqa: 03.12.2009
Mibgħuta: 04.12.2009
Skadenza: 25.12.2009